Lokali Qorti

Konfermat ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ raġel mixli bi traffikar ta’ droga – jingħata kumpens ta’ €4,000

Il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat ksur tad-dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq fi żmien raġonevoli kontra Clive Butler ta’ 38 sena li dam aktar minn 11-il sena jistenna li jitressaq b’mod formali fuq akkużi kriminali relatati mat-traffikar ta’ droga. Bħala rimedju, il-Qorti ordnat li jingħata kumpens ta’ €4,000 għal ħsara morali. Butler irid jgħaddi ġuri b’rabta ma’ dan il-każ.

Ir-raġel minn Marsaskala kien ġie arrestat għall-ewwel darba fl-2011, meta ħa titjira minn Brussel lejn Malta. Fis-sezzjoni kontrollata tad-Dwana fl-ajruport, ġiet magħmula tfittxija fuqu, fil-bagalji tiegħu, u ttieħed l-isptar għal x-ray sabiex ikun magħruf jekk kienx qed iġorr sustanzi illeċiti. It-tfittxijiet kollha kienu negattivi u nħeles.

Madankollu, kważi sentejn wara, fl-14 ta’ Frar 2013, ġie arrestat mill-Pulizija u akkużat b’assoċjazzjoni fit-traffikar ta’ droga. Il-kumpilazzjoni bdiet iżda baqgħet ittawwal għal snin, bil-prosekuzzjoni tieħu sal-2022 biex tippreżenta l-att tal-akkuża — jiġifieri 11-il sena wara l-ewwel arrest u disa’ snin wara l-ewwel akkuża formali.

Clive Butler minn Marsaskal, sewwieq magħruf ta’ dgħajjes offshore; qed jiffaċċja akkużi serji ta’ konfoffa internazzjonali biex jiġu importati u traffikati kwantitajiet ta’ eroina f’Malta u barra minn Malta. Huwa ġie arrestat fl-appartament tiegħu f’Marsaskala, wara inkjesti intensivi internazzjonali li kienu ilhom sejrin mill-2011.

L-investigazzjoni bdiet fl-2011 meta l-Pulizija Ġermaniża waqqfet karozza li kienet qed tintuża minn tliet ċittadini Litwani, u fiha nstabu 2.2 kilogrammi ta’ eroina ta’ grad għoli. Waqt l-interrogazzjoni, il-Litwani allegatament semmew lil Butler bħala l-persuna f’pożizzjoni organizzattiva li kellha l-irwol li tassigura li l-konsenji tad-droga jaslu minn post għall-ieħor.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Mark Simiana osservat li parti kbira mill-dewmien kienet dovuta għal nuqqasijiet serji tal-prosekuzzjoni, inkluż bil-mod kif ġiet immaniġġjata l-proċedura ta’ ittri rogatorji ma’ awtoritajiet barranin. It-traduzzjonijiet meħtieġa għal dawn id-dokumenti baqgħu sejrin sal-2021, minkejja li l-awtoritajiet barranin wieġbu fi żmien relattivament qasir.

Filwaqt li l-Qorti rrikonoxxiet li l-proċess għadu għaddej u li r-rikorrent tħalla jivvjaġġa regolarment, hija enfasizzat li dan ma jnaqqasx mid-danni morali li sofra minħabba dan id-dewmien esaġerat, li affettwa ħajtu u l-libertà tiegħu.

Il-Qorti jidhrilha li għandha takkorda lir-rikorrenti fiċ-ċirkostanzi huwa wieħed ta’ kumpens għall-ħsara morali li huwa sofra. Il-Qorti qieset fuq naħa waħda l-fatt li d-dewmien fuq imsemmi affettwa ħażin il-ħajja ta’ Butler, kif xehed hu stess bil-mezz tal-affidavit fil-kors tal-kawża, kif ukoll il-fatt li jidher li ilu minn dakinhar li ġie mixli soġġett għal ordni ta’ iffriżar kif ukoll għal kondizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest.

Qieset ukoll, fuq in-naħa l-oħra, li l-fatt li l-ġuri għadu ma sarx huwa konsegwenza tal-fatt li Butler baqa’
jinsisti fuq ilmenti li nstabu li huma nieqsa minn fondament, u li matul il-kors tal-kumpilazzjoni kif ukoll tal-proċess quddiem il-Qorti Kriminali u l-Qorti tal-Appelli Kriminali, huwa dejjem tħalla jsiefer regolarment.

Il-Qorti għalhekk laqgħet it-talba tiegħu u ordnat kumpens ta’ €4,000, billi qieset kemm l-effett negattiv fuq il-ħajja privata tiegħu, kif ukoll iċ-ċirkostanzi legali u procedurali tal-każ.

Din id-deċiżjoni tpoġġi enfasi ġdida fuq il-bżonn ta’ ġustizzja effiċjenti u puntwali, speċjalment f’każijiet fejn il-libertà u r-reputazzjoni ta’ individwu jkunu f’riskju għal snin twal mingħajr smigħ deċiżiv.