Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ 11-il xahar priġunerija effettiva u multa ta’ €1,200 kontra Jamie Badawi, wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu pilloli ecstasy u kokaina, fosthom f’distanza ta’ inqas minn 100 metru minn post frekwentat miż-żgħażagħ.
Il-każ imur lura għan-Novembru tal-2019, meta l-Pulizija waqqfet lill-imputat ta’ 24 sena residenti l-Fgura u sabet fuqu ammont żgħir ta’ pilloli li kienu qegħdin jintużaw waqt festin ma’ oħrajn. L-imputat ammetta li kien qed jikkonsma d-droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kenitx għall-użu esklussiv tiegħu flimkien ma’ sħabu.
Madankollu l-Prosekuzzjoni ma ressqitx provi li kien hemm traffikar jew profitt involut. Għalkemm l-imputat talab lill-Qorti tal-Appell biex tissospendi s-sentenza ta’ ħabs taħt Artikolu 28A tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qieset li l-Qorti tal-Maġistrati ma għamlet l-ebda żball fil-piena mogħtija.
L-arrest kien seħħ wara li l-Pulizija sabu tmien pilloli ecstasy u zewg pakketti kannabis fil-pussess tiegħu. Dwar il-piena l-Qorti qieset l-akkużi li tagħhom Badawi nstab ħati tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkostanzi relatati mal-każ.
Qieset ukoll it-trapass taż-żmien, kif ukoll il-fatt li l-imputat kellu biss 19-il sena fiż-żmien li ġew imwettqa dawn ir-reati u li kellu fedina penali netta. Ingħad li l-pussess ta’ droga f’dawn iċ-ċirkostanzi jibqa’ każ serju li jistħoqqlu piena detentiva.
Il-Qorti ordnatlu wkoll iħallas €1,200 multa b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Justine Grech. Il-Qorti ordnat ukoll li l-ammonti ta’ droga li nstabu għandhom jiġu distrutti skont il-liġi.
//= $special ?>