Sorrento Calcio ħabbru b’mod uffiċjali l-akkwist tad-difensur internazzjonali Malti, Kurt Shaw, mingħand Hibernians.
L-eks plejer ta’ Sliema Wanderers, u li għandu 26 sena, kien fit-tmiem tal-kuntratt tiegħu mal-iskwadra minn Raħal Ġdid, u f’dawn l-aħħar ġimgħat Shaw, kien f’negozjati sabiex għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, jiffirma ma’ klabb barrani.
Sorrento Calcio hu klabb tas-Serie C fl-Italja u l-istaġun li għadda, taħt it-tmexxija tal-kowċ Giovanni Ferraro, il-klabb temm fl-14-il post f’Grupp C tas-Serie C. Dan l-istaġun, it-tmexxija teknika tat-tim ġiet fdata f’idejn l-eks plejer tas-Serie A, Mirko Conte.
F’Jannar tal-2021, meta kien għadu plejer ta’ Sliema Wanderers, Shaw kien viċin ħafna li jiffirma mal-klabb Awstrijak ta’ Wolfsberger, iżda għal xi raġuni, dakinhar id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ klabbs kienu fallew fl-aħħar u t-trasferiment ta’ Shaw għal ma’ klabb tal-Bundesliga fl-Awstrija kien falla.
Shaw, li sal-lum lagħab viċin it-30 logħba mat-tim nazzjonali Malti, se jkun qed iħalli l-Malta Premier wara li lagħab ftit aktar minn 160 partita fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
//= $special ?>