Pensjoni li ma twassalx sal-aħħar tax-xahar. Xirjiet li dejjem qed jogħlew. U pagi li mhux biżżejjed sabiex tgħajjex lill-familja.
Hija din ir-realtà li qed jaffaċċjaw bosta familji Maltin u Għawdxin hekk kif ir-rata tal-għoli tal-ħajja dejjem qed tiżdied. B’ħaddiema u pensjonanti li lanqas qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar sabiex ikunu jistgħu joffru l-aħjar kwalità ta’ għejxien għall-familja tagħhom. U jispiċċaw jagħmlu l-impossibbli biex iwasslu.
Iżda din ir-realtà daqslikieku mhix projorità għall-Gvern, li aktar ma jmur aktar qed jinsisti li qed jagħmel biżżejjed sabiex il-familji Maltin u Għawdxin jgħixu l-ħajja li ħaqqhom.
Din id-darba kien imiss is-Segretarju Parlamentari Glenn Beddingfield, li minkejja dak li qed turi l-istatistika – li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija ogħla minn dik ta’ pajjiżi oħra Ewropej – insista li l-Gvern tal-Labour qed jagħmel biżżejjed u iżżejjed.
Hekk kif – skont hu – li kieku ma jiġux offruti s-sussidji tal-Gvern ir-rata tkun ħafna ogħla minn dik attwali. Bi Glenn Bedingfield jispiċċa jammetti li l-għoli tal-ħajja “hi dik li hi”.
Statistika ppubblikata x-xahar li għadda turi li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna, matul Mejju kompliet tiżdied għal 2.7%… rata li taqbeż dik tal-Irlanda, Spanja, l-Italja, Ċipru u anke l-Portugall fost oħrajn.
B’din l-istatistika turi li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija ogħla mill-medja Ewropea li hi ta’ 2.2%. U ferm aktar ogħla miz-zona Ewro, fejn ir-rata hija ta’ 1.9%.
Iżda surrealment – minkejja dawn in-numri u r-realtajiet li qed iħossu n-nies, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li qed isir biżżejjed mal-poplu… mingħajr ebda indikazzjoni li l-Gvern se jkun qed jagħmel aktar sabiex ikompli jiġġieled il-piż tal-inflazzjoni.
Bil-familji Maltin u Għawdxin qed jiġu sfurzati jaħdmu aktar, u jaraw minn fejn se jġibu l-flus sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom.
//= $special ?>