Lokali Qorti

Mhux ħati li kisser bieb ta’ residenza bil-Qorti tisħaq il-bżonn tal-Pulizija għal taħriġ serju

Raġel ta’ 54 sena minn Liberia, ġie meħlus mill-akkużi kriminali wara li l-Qorti nnotat b’mod ċar li l-investigazzjoni mwettqa mill-Pulizija kienet superfiċjali, inkompleta u nieqsa minn evidenza ċara. Joe Maxwell kien akkużat li kisser bieb ta’ residenza f’Toni Zahra Street, fiħ-Żejtun, u li kkorrompa l-ordni pubbliku, kien qed jgħix ħajja ta’ vagabond, u kien recidiv.

L-allegat inċident seħħ fit-13 ta’ April li għadda fl-10.30pm. Madankollu l-Qorti ma sabitux ħati, peress li l-provi ma kinux biżżejjed u nħolqu dubji serji dwar il-verżjoni tal-prosekuzzjoni. Skont ix-xhieda fil-Qorti, l-incident seħħ meta membru tal-familja semgħet tħabbat fil-bieb u ħasbet li kienu xi tfal.

Aktar tard, ġew informati minn żewġ itfal (li qatt ma ġew identifikati jew investigati mill-Pulizija) li kienu raw raġel ta’ “karnaggjon skur” ikisser il-bieb. Il-Pulizija waslu fuq il-post u sabu lil Maxwell bilqiegħda mal-bankina, midrub fejn deher li kellu xi ġrieħi f’rasu, iżda ma ġie ppreżentat l-ebda ċertifikat mediku, l-ebda ritratti, u l-ebda prova forensika.

Il-Qorti qalet li l-Ispettur li mexxiet l-investigazzjoni qatt ma marret fuq il-post u ma investigatx jekk l-istess feriti kienu kompatibbli mal-allegazzjoni ta’ aggressjoni. “Wasal iż-żmien li s-surġenti u l-kuntistabbli tad-distrett jingħataw taħriġ adegwat fuq kif jinġabru l-provi u kif issir investigazzjoni serja. Inkella, ix-xogħol kollu jispiċċa fix-xejn hekk kif il-każ jasal quddiem il-Qorti,” qalet il-Maġistrat Monica Vella li semgħet il-każ.

Il-Qorti saħqet li għandu jkun hemm lista ta’ kontroll li tiggwida lill-investigaturi ġodda dwar x’għandhom ifittxu, x’għandhom jikkonservaw, u kif jippreżentaw il-provi. Fil-verżjoni tiegħu, Maxwell qal li kien impjegat minn ċertu Anthony Spagnol biex jagħmel xogħol f’dar viċin u kien qed jgħix f’kamra fil-viċin.

Hu qal li kien qed jipprova jneħħi ġebla waqt xogħol u waqa’, weġġa’ rasu, u eventwalment kien hu li ċempel lill-Pulizija. Il-ħsara fuq il-bieb, skont il-provi, kienet tammonta għal €80. Il-Qorti osservat li ħadd ma ra personalment lil Maxwell jagħmel il-ħsara.

Tfal mhux identifikati sempliċement indikaw lill-akkużat, u l-akkużat instab midrub barra l-biebm mhux biżżejjed biex jikkonvinċi b’mod ta’ mingħajr dubju raġonevoli, kif meħtieġ fil-liġi kriminali. “Il-livell tal-investigazzjoni kien limitat ħafna. Id-dubju għadu jippersisti dwar min verament wettaq il-ħsara,” qalet il-Qorti.

Dan il-każ jitfa’ dell ikrah fuq l-istandards investigattivi li wħud mill-membri tal-Korp għadhom jużaw. Il-Qorti għamlitha ċara li dawn il-prattiċi għandhom jitranġaw immedjatament, inkella każi simili jistgħu jerġgħu jiġu mormija fil-futur minħabba nuqqasijiet bażiċi, temmet tgħid il-Qorti.