Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest ta’ raġel ta’ 29 sena mixli b’theddid u fastidju ossessiv lejn l-eks sieħba tiegħu. Ir-raġel li jaħdem bħala furnar u li huwa minn Ħal Tarxien, ġie mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu bi kliem bħal ““jekk ma tkunx tiegħi ma tkun ta’ ħadd, inkella int fil-qabar u jien nispiċċa l-ħabs.”
Dan hekk kif ukoll skont il-prosekuzzjoni ċemplilha iktar minn 800 darba f’inqas minn 24 siegħa. Ir-raġel qed jiffaċċja akkużi serji ta’ fastidju intens, theddid u reżistenza għall-arrest, fost oħrajn, wara li l-eks sieħba tiegħu ppreżentat erba’ rapporti separati bejn it-22 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju.
L-allegata vittma, li kienet f’relazzjoni mal-akkużat għal disa’ snin u flimkien għandhom tifla ta’ seba’ snin, irrappurtat li r-raġel hedidha bil-mewt, kif ukoll heded lill-ommha, missierha, oħtha, ħabiba tagħha u lill-imgħallem tagħha. Huwa allegat ukoll li l-akkużat hedded lil mara li jagħtiha daqqiet ta’ sikkina.
L-Ispettur Audrey Micallef żvelat li bejn it-12 u t-13 ta’ Lulju, l-akkużat ċemplilha aktar minn 800 darba, u saħansitra mar jistennieha barra l-għassa meta kienet sejra tagħmel l-aħħar rapport. L-akkużat ukoll allegatament ikkawża ħsarat fil-bieb tal-komun tal-vittma.
Micallef qalet ukoll li meta l-Pulizija marru jarrestawh, huwa irreżista, u kellhom jużaw forza minima biex jikkontrollawh, kif deher fuq il-bodycam tagħhom. L-arrest ġie esegwit minn erba’ kuntistabbli. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi qalet li hemm riskju ta’ intraċċ tal-provi, natura serja tal-akkużi, u biża’ serja li l-akkużat ma josservax l-ordnijiet tal-Qorti.
Missier l-akkużat, li xehed quddiem il-Qorti, qal li binhom jista’ jgħix miegħu kemm-il darba jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qal li huwa pensjonant u jkun id-dar il-ħin kollu. Meta mistoqsi mill-Qorti jekk binhom jobdix, huwa wieġeb “ħafna”.
Madankollu, l-Ispettur irrimarkat li dan mhux biżżejjed biex il-Qorti tkun “rasha mistrieħa”. Il-prosekuzzjoni fakkret ukoll li fl-2023, l-akkużat kien mixli b’akkużi oħra serji relatati ma’ arma tan-nar, fastidju, u reżistenza għall-arrest. Hija qalet ukoll li meta l-Pulizija kienet tibgħat għall-akkużat wara r-rapporti li saru mill-mara, huwa kien jinjorahom u ma jmurx.
L-Avukat Franco Debono qal li l-klijent tiegħu m’għandux fedina penali allarmanti, għandu impjieg fiss li ilu fih disa’ snin, u mhux akkużat bi ksur ta’ bail. Id-difiża talbet għal kundizzjonijiet stretti, inkluż ordni ta’ superviżjoni u protezzjoni, jekk jingħata l-ħelsien.
Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma, il-qraba tagħha u dawk kollha msemmija fir-rapporti. Il-Qorti laqgħet it-talba biex isem il-partijiet ma jissemmewx fil-każ biex tiġi protetta l-identità tat-tifla.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, bil-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef, u d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.
//= $special ?>