Lokali

OPINJONI: Cyberbulling u cyberstalking

Cyberbullying’ u cyberstalking qed jagħmlu ħerba sħiħa, b’mod partikolari fi tfal, adolexxenti u persuni vulnerabbli
Għalkemm ‘cyberbulling’ u ‘cyberstalking’ huma differenti, imma t-tnejn li huma għandhom għan wieħed, dak li jagħtu ‘harressment’ kontinwu b’tali mod li jagħmel ħsara emozzjonali, psikoloġika u anki fiżika fuq il-persuna li tispiċċa vittma

minn Albert Buttigieg
Shadow Minister
 għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali

Fl-istorja tad-dinja kellna diversi rivoluzzjonijiet li bidlu mhux biss il-mod kif naħsbu imma saħansitra l-mod kif ngħixu. L-introduzzjoni tal-kompjuter u tal-internet ġabu bidla totali fil-mod kif ilkoll kemm aħna ngħixu.

Il-benefiċċji tal-internet

Grazzi għall-internet, id-dinja saret aktar villaġġ wieħed. Dak li jiġri tant ’il bogħod minnha, narawh faċilment. B’hekk kibret is-solidarjetà/fratellanza bejn il-popli. Grazzi għal internet, wieħed għandu aċċess għal minjiera ta’ informazzjoni. L-internet sar il-bibjoteka tagħna.

Grazzi għall-internet wieħed jista’ jikkomunika ma’ dawk l-għeżież li jinsabu ’l bogħod minnu. Grazzi għall-internet, anki l-mod kif wieħed jaħdem saret aktar faċli. Barra l-użu tal-emails u l-SMS, hemm ukoll il-possibbiltà ta’ ‘remote working’ fejn wieħed jista’ jaħdem mill-kumdità ta’ daru minflok li jmur fl-uffiċċju. Fil-fatt, matul iż-żmien tal-COVID-19 rajna li dan mhux biss huwa possibbli imma forsi huwa l-‘way forward’.

Grazzi għall-internet ukoll li seħħew anki rivoluzzjonijiet politiċi. Biżżejjed insemmgħu r-rivoluzzjoni li seħħet fit-Tuneżija li saret bis-saħħa u l-qawwa tal-internet.

Hemm perikli wkoll

Bħalma rivoluzzjoni industrijali ħalliet impatt fuq il-ħajja, hekk ukoll l-użu (jew aħjar l-abbuż) tal-internet ġab numru ta’ sfidi ġodda. Bħalma sikkina tista’ tintuża biex wieħed jiekol sew, imma fl-istess waqt wieħed jista’ juża biex iweġġa’ lil ħaddieħor, hekk ukoll l-użu tal-internet.

Sfortunatament, l-abbuz tal-internet qed iwassal għal tipi differenti ta’ vjolenza, razziżmu, mibegħda, insulti, tmaqdir, ‘fake news’, ‘identity theft’, ‘cyberbullying’ u ‘cyberstalking’.

Dawn kollha qed jagħmlu ħerba sħiħa f’numru ta’ persuni, b’mod partikolari f’dawk tfal, adolexxenti u persuni oħra li għandhom ċertu vulnerabbiltà.

‘Cyberbullying’ u ‘cyberstalking’

Għalkemm CB u CS huma differenti imma t-tnejn li huma għandhom għan wieħed, dak li jagħtu ‘harressment’ kontinwu b’tali mod li jagħmel ħsara emozzjonali, psikoloġika u anki fiżika fuq il-persuna li tispiċċa vittma.

X’inhi d-differenza?

CB:  Bħal ‘bullying’ tradizzjonali li jseħħ fil-iskejjel, bħal ‘bullying’ li jseħħ fuq il-post tax-xogħol jew saħansitra fil-familja bejn il-‘partners’ jew inkella ma’ tfal stess, CB huwa ‘bullying’ virtwali li jseħħ permezz ta’ kummenti negattivi, tar-redikolu u ta’ tmaqdir kontinwi. Dan ikompli jwassal għal ansjetà kbira, problemi ta’ ‘low self-esteem’/‘self image tal-persuna’, għal każijiet ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali, ‘depression’, ‘self harm’ u saħansitra ta’ suwiċidju.

CS, min-naħa l-oħra huwa ‘bullying’ li persuna tagħmel kontinwament ma’ persuna oħra minn filgħodu sa filgħaxija. Tkun propju d-dell tagħha kontinwament. Diversi drabi dan isseħħ fost persuni li jkunu f’relazzjoni emozzjonali jew inkella se jinfirdu jew li diġà nfirdu imma l-‘partner’ min-naħa waħda jixtieq li jkompli r-relazzjoni. U hawn fejn tidħol il-vjolenza domestika. Fil-fatt, f’diversi każijiet ta’ vjolenza domestika jkun hemm dawn l-abbużi.

Għalkemm l-istatistika uffiċjali turi li l-każijiet rappurtati bejn 2022 u 2025 kienu biss ta’ 135, min jaħdem fil-qasal soċjali u edukattiv jaf li dawn mhux ċifri reali. Ir-realtà hija ferm akbar u diversi drabi hemm nuqqas ta’ rappurtaġġ mill-vittmi. 

Biżżejjed wieħed jara l-kummenti li jkun hemm fuq ċertu ‘portals’ u ‘social platforms’ u jinnota ċertu kummenti ta’ tmaqdir, insulti, tar-redikolu anki sfortunatament quddiem stejjer traġiċi. Ċertu kummenti jkunu verament kattivi fis-sens propju tal-kelma.

Dan jgħodd ukoll fil-kuntest politiku. Tajjeb li nkunu onesti u nistqarru li l-politika partiġjana qed twassal anki għal dawn it-tipi ta’ kummenti. Dan huwa wkoll ‘cyberbulling’. Biżżejjed wieħed jaqra’ ċertu kummenti fuq numru ta’ ‘portals’ politiċi, ċertu artikli fuq gazzetti, minn ‘bloggers’ partikolari li huma biss tixwix kontinwa u tmaqdir. 

Mhux hekk biss. Hemm min jorganizza grupp ta’ persuni biex jagħmluha ta’ ‘trolls’ ħalli jiktbu kummenti negattivi. Dawn il-kummenti qed ikomplu jagħmlu l-ħsara mhux biss lill-klassi politika imma jkomplu jġibu l-firda u l-mibegħda bejnietna.

X’inhi r-risposta tagħna quddiem CB u CS?

Bħal f’każijiet oħra, hemm bżonn li jkun hawn; 1. Infurzar tal-liġijiet u 2. L-edukazzjoni.

Infurzar: Għalkemm saru passi fid-direzzjoni t-tajba imma jekk inkunu onesti nistqarru li ngħixu f’kultura ta’ nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet.  Għalkemm għandna diversi liġijiet fuq il-karta, fir-realtà hija dinja oħra!

Nemmen li jkun għalxejn li nagħmlu l-liġijiet biex dawn imbagħad jibqgħu fuq l-ixkaffa. Kelb jimbaħ imma ma jigdimix ħadd ma jagħti kasu u ma jbeżża’ lil ħadd.

L-edukazzjoni: L-edukazzjoni tibqa’ l-aħjar għodda biex nindirizzaw dawn l-abbużi. Hemm bzonn li tfal u żgħażagħ jiġu mgħallma fuq l-użu u l-abbuż. Mhux kulma hemm fuq l-internet huwa veru. Hemm ukoll ‘fake news’.

Jifhmu li l-internet ma hemm xejn li jibqa’ privat u allura kull kumment jew ritratt isir wieħed pubbliku. Li jkunu assertivi quddiem min jagħmel ċertu kummenti u jekk hemm bżonn jibblukkaw lil dik il-persuna. Li jibqgħu jemmnu fihom infushom u jifhmu li għandhom ħafna tajjeb. Li jitkellmu ma’ min jista’ jgħinhom speċjalment meta huma jkunu sfaw vittmi ta’ kummenti u ‘bullying’.  

Konklużjoni

Tajjeb li nitkellmu fuq dawn is-suġġetti biex inwasslu l-messaġġ ċar u tond li dawn l-abbużi huma abbużi u mhux aċċettabbli għall-ebda raġuni. Min għaddej minn dan l-abbuż ifittex l-għajnuna, fejn hawn diversi servizzi ta’ appoġġ bħalma huwa kellimni.com.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 16 ta’ Lulju, 2025.