Opinjoni

OPINJONI: L-imġarrba

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Fit-triq tagħha l-ħajja taf tagħti bnedmin varji li jsofru inġustizzji mertu ta’ id bnedmin oħra. Dawk li msejħa jwettqu s-sewwa minflok jaġixxu ħażin bil-kbir fil-konfront ta’ oħrajn. Ikollhom l-istonku li jwettqu atti mill-iktar kundannabbli.
Ċertament min irid jimxi fis-sewwa u bis-sewwa fl-eżistenza tiegħu jaf li se jgħaddi jew imiss ma’ dan. Uħud jogħtru u jitilfu kull sens u skop f’dak li jkunu qed jgħixu, oħrajn jibqgħu rashom ’il fuq jirreżistu. Jibqgħu jistennew jittamaw fil-futur waqt li minn naħa jipprova jifhem l-banalità tal-ħażen u mill-oħra jibni reżistenza. Jagħraf li se jkun għaddej fit-triq b’sħaba sewda fuqu. Jagħraf li se jkollu dawk li ma jkellmuhx għax ma jridux jiċċappsu miegħu. Jagħraf iktar li t-tajn tal-malafama u inġustizzja li nxteħtulu se jieħdu ż-żmien biex jitneħħew.

Il-bniedem ġust
Dawk li jkunu sofrew minn id oħrajn fil-kalunji u l-kliem li jipprovaw jiddistruġġulu kull dinjità li bniedem jista’ jkollu jsibu truf ta’ konsolazzjoni. Jifhmu u jżommu quddiemhom li kien hemm min ġid biss wettaq lil bnedmin u sab minflok dawk li tradewh, abbandunawh u ċaħduh.
Dawk li ppruvaw ikissruh b’kull mod, inkluż li neħħewlu ħajtu. F’dan jifhem li jrid iħares ’il quddiem u jittama kontra kull tama. Irodd l-ħajja tiegħu sabiex ġara x’ġara jimxi pożittivament. Ibaxxi rasu u jimxi fit-triq tat-tama. Hemm x’hemm kontra u tidher kemm tidher sewda d-dinja jagħraf li għandu jimxi ’l quddiem fil-fiduċja li għada jkun aħjar.

Disgħin sena ilu
F’dawn il-jiem fakkarna d-disgħin sena mill-mewt ta’ bniedem li ġarrab sew f’ħajtu. Wieħed li jgħaddu kemm jgħaddu snin xorta ħajtu titlob riflessjoni. Fit-12 ta’ Lulju 1935 ġie nieqes Alfred Dreyfus. Imwieled fl-1859, Lhudi u persuna li serva fl-armata Franċiża b’dinjità u magħruf għall-intelligenza tiegħu. Biss bata mill-antisemitiżmu li kien jiddomina f’dawn is-snin. Fl-1894 kien ġie akkużat bi tradiment. Akkużat li kien spija Tedeska u ġie proċessat pubblikament. Anki jekk l-awtoritajiet militari kienu jafu li kien innnoċenti xorta kkundannawh u neħħewlu kull grad militari hu li kien ġeneral fl-armata. Bagħtuh jiskonta l-piena fl-iktar gżira ’l bogħod minn Franza, f’Guyane, f’dik li kienet tissejjaħ “Devil’s Island”.

Ħruxija
Apposta biex jintesa ntbagħat f’post fl-Amerika Latina ’l bogħod sew minn pajjiżu. Intbagħat proprju aktar f’dan il-ħabs mill-iktar iebes. Miftuħ fl-1852 f’post fejn il-ħruxija dixxiplinari kienet kbira u l-kundizzjonijiet klimatiċi mill-iktar kiefra. Kien magħruf li 75% ta’ dawk li marru hemm tilfu ħajjithom. Mhux biss tellfulu ġieħu, il-karriera, il-familja imma issa wkoll riduh jitlef ħajtu. Jiġi kanċellat minn wiċċ id-dinja qisu ma kien xejn u ma seħħ xejn.
L-awtoritajiet kienu jafu li saret inġustizzja kbira fil-konfront tiegħu imma flok għażlu li jirrimedjaw marru sabiex jgħattu aktar kollox. Il-bniedem għadda minn ħafna imma kif nafu baqa’ jżomm sħiħ lilu nnifsu jittama li l-verità toħroġ u ismu jiġi mnaddaf. Baqa’ determinat u ma qatax qalbu. Baqa’ jinsisti jgħix u jippreserva lilu nnifsu fil-ġlied kostanti tal-ħajja.

Emile Zola (1840-1902)
Fit-13 ta’ Jannar 1898 dan il-kittieb magħruf u li l-pinna tiegħu kienet lesta tidħol għas-servizz tas-sewwa ppubblika taħt ismu artiklu bit-titlu “J’accuse” (Nakkuża). Fih akkuża l-President Franċiż Felix Faure (1841-1899) u l-Gvern b’antisemitiżmu u b’lista twila ta’ żbalji, nuqqasijiet, gideb u falsitajiet li segwew sabiex Dreyfus instab ħati. Att mill-iktar kuraġġuż li beda moviment favur dan il-bniedem kkundannat inġustament.
Zola nnifsu li tkellem favur u qabeż għalih spiċċa huwa wkoll proċessat fuq malafama, kundannat hu wkoll u kellu jaħrab minn pajjiżu. Fortunatament awturi oħra taw l-appoġġ għal din il-kawża ġusta bħal-Lhudi Bernard Lazare (1865-1903), il-kattoliku Charles Peguy (1873-1914) u s-Soċjalista Anatole France (1844-1924). Il-każ ma waqafx hemm u baqa’ għaddej jiġbor l-attenzjoni. Kollox kien kontra. L-awtoritajiet kellhom saħħa kbira u biex teħodha kontra ma kien faċli xejn. Atti ta’ reżistenza intelliġenti li fihom l-pinna tibqa’ tirrenja fuq kollox.
Kif tgħallimna “the pen in mightier then the sword” (il-pinna hija aktar qawwija mix-xabla) u proprju l-argumenti, raġunamenti, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet sħaħ li tressqu ħadd ma seta’ jiċħadhom. Il-fatti kienu li kienet saret inġustizzja, waħda li kienet magħrufa u li ġiet moħbija. Esperjenza li sfortunatament diversi bnedmin fl-irkejjen kollha tad-dinja jmissu magħhom.

Wara tnax-il sena
Għaddew tnax-il-sena sħaħ u twal sakemm fl-aħħar instab li ma kellu ebda tort li kien iffabrika kollox ċertu Ferdinand Walsin Esterhazy (1847-1923). Kien hu uffiċjal fl-armata li bena l-gidba, il-falsifikazzjonijiet kollha u kien proprju hu li kien l-ispija Tedeska. Skandlu fuq skandlu aktar għax ġie proċessat u terġa’ liberat. Spiċċa ħarab jgħix l-Ingilterra proprju għax il-verità kienet ħarġet u spiċċa hu ma jistax jgħix fi Franza.
Fl-1906 Dreyfus ġie finalment eżonerat u liberat minn kollox. Lura lejn pajjiżu kellu diffiklutajiet biex jiġi aċċettat għax l-armata tant umiljata fl-aġir tagħha flok tatu l-pożizzjoni li kellu ppruvat iċċekknu. Imma baqa’ għaddej u spiċċa ddefenda lil pajjiżu fl-ewwel gwerra dinjija b’kuraġġ u perseveranza. Ma ċediex għal dak li ra quddiemu imma b’determinazzjoni kkumbatta kontra kollox jum wara jum. Sofra ingustizzja kbira imma kien jaf li hu innoċenti u emmen fih innifsu.

Niftakruh
Proprju llum wara tant snin irridu fuq naħa niftakru f’dak li għadda minnu dan il-bniedem, fl-atroċitajiet li jiġu mill-kalunji u l-akkużi foloz li bnedmin oħra joħolqu u fl-istess ħin nagħmlu kuraġġ aħna stess minn dak li huwa ġarrab u għeleb. Inżommu quddiemna li huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi l-paġna ddur u dak li sar ħażin jista’ jinbidel.
F’din is-sena tat-tama nagħrfu dejjem iktar li hemm bidliet li jistgħu jsiru. Nifhmu li ma għandniex b’xi mod nagħtu qalbna imma nimxu ’l quddiem. Inservu jum wara jum fis-sorpriżi tal-ħajja. Niftakru proprju f’dan kollu li nkunu viċin dawk li fil-ħajja ġarrbu. Aktar li ma ninħakmux minn dawk li jriduna niġġudikaw u nikkundannaw oħrajn fuq il-kliem fieragħ u l-falsitajiet inġusti tagħhom.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 15 ta’ Lulju, 2025.