Opinjoni

OPINJONI: Studenti piloti fis-sema

Pajjiżna għandu jibda jitkellem aktar, u effettivament jaġixxi, fuq l-isfidi li jsibu quddiemhom l-istudenti piloti f’Malta

minn Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Għal pajjiż bħal Malta, gżira mdawra bil-baħar, it-turiżmu huwa importanti tassew. Spiss għalhekk nitkellmu fil-Parlament, u b’modi oħra dwar l-importanza tat-turiżmu f’pajjiżna, u l-impatt ekonomiku fuq il-pajjiż.

Meta nitkellmu dwar it-turiżmu madankollu, donnu jinteressana biss mill-impatt ekonomiku biss, ir-‘return on investment’. Qajla nitkellmu dwar l-importanza li pajjiżna jipprepara bil-quddiem għall-ħtieġijiet tal-futur: jiġifieri li jinvesti wkoll fiż-żgħażagħ tagħna biex ikollhom biżżejjed opportunitajiet fid-dinja tat-turiżmu lokali.

Inħoss li għandu jinteressani wkoll li pajjiżna jibda jitkellem aktar, u effettivament jaġixxi, fuq l-isfidi li jsibu quddiemhom l-istudenti piloti f’Malta.

Għalhekk, illum se nipproduċi ftit ħsibijiet li tkellimt dwarhom fil-Parlament, u nixtieq nikteb ftit dwar diversi sfidi serji li qed jiffaċċjaw l-istudenti piloti f’Malta, b’mod kontinwu u għad-detriment tal-isforzi tagħhom biex jirnexxu fil-qasam – sfidi li mhux biss qegħdin jiddeterminaw il-futur ta’ ħafna żgħażagħ, imma wkoll sfidi li qegħdin jirriskjaw il-futur tal-industrija tal-avjazzjoni li tikber daqskemm ikollha influss ta’ żgħażagħ ġodda.

Minkejja li dan il-qasam ma jaqax taħti ‘per se’, irrid ngħid li għandi interess fl-istudenti kollha li b’mod jew ieħor qegħdin javvanzaw fl-istudji tagħhom, sew jekk ma’ istituzzjonijiet li jaqgħu direttament taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni u sew jekk le, bħall-każ tal-Istudenti fil-Qasam tal-Avjazzjoni, fil-Qasam tal-Marittimu u fil-Qasam tat-Turiżmu – bħall-ITS.

L-ewwel u qabel kollox, l-istudenti piloti f’Malta ma jirċievu ebda stipendju jew għajnuna finanzjarja waqt it-taħriġ tagħhom, għall-kuntrarju tal-maġġoranza assoluta tal-korsijiet kollha fl-istituzzjonijiet ewlenin Maltin, bħall-Università, l-MCAST u oħrajn.

Minkejja li dawn l-istudenti qegħdin, huma wkoll, jistudjaw f’istituzzjonijiet rikonoxxuti lokalment skont ir-regolamentazzjonijiet, dawn donnhom mhux importanti biżżejjed bħala studenti. Dan, naturalment ipoġġihom f’sitwazzjoni żvantaġġata minnufih, la darba żgħażagħ ta’ etajiet pjuttost teneri, huma mistennija jħallsu kollox, u dawn jammontaw għal flejjes kbar, minn buthom; inkluż ħlasijiet għaljin iżżejjed għall-eżamijiet, li jżidu piż finanzjarju sinifikanti.

F’ebda istituzzjoni lokali oħra, bħall-Università u l-MCAST, ma jeżistu ħlasijiet għall-eżamijiet. Illum ovvjament, lanqas l-eżamjiet tal-MATSEC ma jirrikjedu ħlas. Qiegħed ngħid li għandhom ikunu kompletament bla ħlas? Mhux neċessarjament, imma rridu naraw li nirrikonoxxu tali spejjeż u nindirizzawhom b’inċentivi effettivi u benefiċċjali biex innaqqsulhom mill-piżijiet.

Tajjeb ngħid li s-sessjonijiet għall-eżamijiet tal-ATPL isiru biss kull xahrejn, mhux bħal ċerti pajjiżi ġirien tagħna. Dan jista’, u qiegħed f’diversi każi, jdewwem il-progress tal-istudenti li jgħaddu minn eżami għal ieħor, jew f’każijiet meta jridu jersqu għar-‘resits’. Aktar dewmien, aktar spejjeż.

Id-diffikultajiet mhumiex biss marbuta mal-ħlasijiet b’mod dirett. Imma anki b’mod indirett. Nifhem li minħabba t-traffiku intensiv fl-ajruport u fil-qasam tal-kontroll tal-ajru (MATS), hija spissa li l-istudenti, li jkunu qed iħejju biex itiru: prattika jew eżami, ikollhom jistennew fl-ajru anki aktar minn siegħa qabel jagħmlu l-inżul, u ġieli anki jdumu siegħa jew aktar qabel ma jingħataw il-‘go ahead’ biex itiru.

Dan tafu xi jfisser? Flus. Spejjeż għal kull siegħa żejda għax l-eżaminaturi jħallsuhom l-istudenti wkoll. Tajjeb li nsemmi, li dawn l-istudenti qegħdin iħallsu spejjeż kbar oħra, aktar minn kemm għandhom ikunu, għal testijiet mediċi li jsiru spiss. Pereżempju, f’Malta, tali test jiswa madwar €1,300, aktar minn erba’ darbiet minn kemm iħallsu studenti piloti fl-Italja, pajjiż pass ’il bogħod, u dan għall-istess ċertifikat mediku. Din id-differenza astonomika, mhux faċli tiġi ġġustifikata u mhux faċli titħallas.

Niftħu djalogu serju kif nistgħu nindirizzaw id-diffikultajiet

L-istudenti piloti, qabel ma jersqu għall-eżami tal-Commercial Pilot Licence Multi-Engine Instrument Rating) iridu jħallsu wkoll €300 f’miżati tad-‘designation’, meta dan faċilment jista’ jagħmel tajjeb għalih il-Gvern. Il-Gvern qiegħed jgħin? Ftit, imma ftit li xejn. L-iskema ‘Get Qualified’, minkejja li ttaffi ftit, għandha ‘capping’ sa €2,000 għal kull ‘module’, somma li mhix biżżejjed meta wieħed jikkunsidra l-ispejjeż spissi u kontinwi tat-taħriġ ta’ pilota.

Dan f’termini reali jfisser li għal kors li jiswa madwar €65,000 – €70,000, l-istudenti jibbenefikaw qrib €8,000 mill-Get Qualified. Għaliex għandna nikkappjawha? Għaliex ma għandhiex nagħtu aktar opportuniatjiet jekk kemm-il darba għandna quddiemna suq edukattiv li minnu nistgħu niggwadanjaw bħala pajjiż ukoll?

Nemmen, li iva għandha ssir reviżjoni ta’ dan il-limitu, ta’ dan il-‘capping’, biex ikun qiegħed jirrifletti l-ispejjeż finanzjarji tal-istudenti piloti b’mod xieraq. Ma’ dan irrid inżid id-diffikulatjiet li jsibu l-istudenti meta jfittxu self jew għajnuna finanzjarja mill-banek lokali. Din qed issir dejjem aktar diffiċli.

Dawn l-isfidi, primarjament finanzjarji mhux jgħinu lill-istudenti piloti f’Malta biex jibdew u jtemmu t-taħriġ tagħhom b’suċċess jew mingħajr dewmien żejjed. Irridu aktar żgħażagħ fid-dinja tal-avjazzjoni, u rridu ninvestu fihom.

Nappella għalhekk,  biex niftħu djalogu serju dwar kif nistgħu nindirizzaw tali diffikultajiet u sfidi, kif nistgħu nallokaw fondi dedikati speċifikament għal dan il-għan, kif nistgħu nappoġġjaw lill-istudenti u l-iskejjel tal-avjazzjoni f’Malta b’appoġġ loġistiku u amministrattiv aħjar.

Kull student għandu dritt għall-appoġġ tal-Gvern, ma hemmx dawk u l-oħrajn, imma kollha kemm huma u għalhekk qiegħed hawnhekk nitkellem biex insemma’ leħen dawn iż-żgħażagħ tagħna. Hawnhekk tkellimt dwar l-istudenti piloti, imma naf li bħalhom, hemm ukoll dawk li jistudjaw fil-qasam tal-Marittimu li wkoll, jekk ma jinsabux fis-sema, jinsabu fl-istess baħar! ’Il quddiem nikteb dwarhom ukoll.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 16 ta’ Lulju, 2025.