Għadhom għaddejjin il-kawżi b’rabta mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali orkestrati mill-Partit Laburista. Każ ieħor jinvolvi lil Rita Xiberras, mara ta’ 65 sena minn Birżebbuġa, li ġiet ordnata tirrifondi €17,935 lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali wara li nstabet ħatja li ppreżentat dikjarazzjoni falza f’applikazzjoni għal benefiċċju relatat ma’ diżabbiltà.
Dan kollu b’rabta ma’ persuni qrib il-Partit Laburista, forst l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti u erba’ imputati oħra mixlija b’serq u misapproprjazzjoni fuq frodi tal-benefiċċji soċjali. Numru kbir ta’ persuni kienu jirranġaw lil ċertu nies biex jieħdu benefiċċji li mhumiex intitolati għalihom.
L-Eks Deputat u GP Laburista Silvio Grixti, u persuni oħra akkużati dwar ir-racket ta’ €6 miljun fi frodi tal-benefiċċji tad-diżabbiltà bil-każ għadu għaddej quddiem il-Qrati Maltin. Il-Qorti kienet ordnat li total ta’ €4.5 miljun f’assi jiġu ffriżati fil-konfront ta’ Silvio Grixti.
L-akkużati l-oħra huma Roger Agius, Emanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba. L-assi ffriżati ta’ Agius kienu jammontaw għal €60,000; Spangol għal €90,000; €153,000 għal Caruana, u €47,000 għal Saliba.
Dawn l-ammonti jkunu soġġetti għal konfiska fil-każ ta’ kundanna. Il-varjazzjonijiet li ġew wara l-ordni ta’ ffriżar maħruġa f’April 2024, fejn il-Qorti ordnat is-sekwestru f’idejn terzi b’mod ġenerali tal-flus kollha u proprjetà oħra mobbli jew immobbli li tappartjeni lill-akkużat.
Il-każ ta ‘Xiberras li bħal ta’ Grixti u sħabu nstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, joriġina minn applikazzjoni li Xiberras għamlet bejn Awwissu 2021 u Settembru 2023, fejn allegatament iddikjarat li tbati minn “muscular dystrophy” – kundizzjoni rari u serja tal-muskoli. Madankollu, mill-investigazzjoni tal-Pulizija u ċ-ċertifikati mediċi sottomessi, irriżulta li dawn kienu falsifikati.
Minkejja dan, il-Qorti ma sabitx lil Xiberras ħatja ta’ frodi intenzjonata, billi rrikonoxxiet li hija verament tbati minn uġigħ f’daharha u saqajha, iżda mhux mill-kundizzjoni speċifika li kienet indikata fl-applikazzjoni. Għalhekk, il-Qorti kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda intenzjoni diretta biex tqarraq bil-Gvern, iżda sabitilha ħtija għal dikjarazzjoni falza.
Il-Maġistrat Montebello kkritika wkoll lill-bord mediku li approva l-applikazzjoni ta’ Xiberras, billi kien kompost minn tobba mhux speċjalizzati fil-qasam rilevanti, u ma ndunawx li l-kundizzjoni tad-Duchenne muscular dystrophy ma tinstabx f’nisa ta’ età avvanzata.
Fl-eżerċizzju tal-piena, il-Qorti qieset il-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-mara u l-fatt li din tidher aktar fil-bżonn ta’ gwida milli ta’ kastig. Għalhekk, minbarra l-ordni biex tirrifondi s-somma li kienet tħallsitilha, il-Qorti illiberatha bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Caruana Darmanin.
//= $special ?>