Wara l-lejla storika tal-bieraħ għall-futbol Malti, fejn Ħamrun Spartans dawru aggregate ta’ 2-0 għal 2-2 kontra ċ-champions tal-Litwanja, FK Zalgiris, għada jmiss li l-attenzjoni kollha tkun fuq iż-żewġ partiti li se jilagħbu t-timijiet Maltin ta’ Birkirkara u Floriana.
Dawn it-tnejn se jkunu qed jilgħabu t-tieni mill-ewwel rawnd tal-UEFA Conference League, u t-tnejn li huma se jkunu qed jilgħabu barra minn Malta. Kemm Birkirkara u Floriana rrnexxilhom jirbħu fl-ewwel leg kontra FC Petrocub Hincesti tal-Molodva u Haverfordwest County AFC ta’ Wales rispettivament. Għaldaqstant it-tama ta’ dawk li jsegwu l-futbol Malti b’passjoni, u jwarbu kull tip ta’ rivalitá sportiva lokali, hi li din il-ġimgħa ta’ futbol Ewropew li bdiet bl-aqwa mod possibli għall-fubol Malti, titkompla għada bil-kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss minn Birkirkara u Floriana.
Ta bilħaqq li tkun ġimgħa mill-aqwa u memorabbli għall-futbol Malti, kieku wara l-kwalifikazzjoni storika ta’ Ħamrun Spartans għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League (bil-format il-ġdid), Birkirkara u Floriana javvanzaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Conference League.
Wieħed jistaqsi x’differenza jagħmlu dawn ir-riżultati għat-timijiet Maltin?
Meta klabb jikseb rebħa jew draw ikun qed iżid il-punti fil-koeffiċjent tal-UEFA, iżda mhux biss. Meta tiġbor dawn il-punti tal-klabbs Maltin f’daqqa, ikun qed jissaħħaħ il-koeffiċjent tal-Malta Premier meta jipparteċipaw il-klabbs Maltin f’kompetizzjonijiet tal-Ewropa.
Apparti minn hekk dan ir-rebħ, li jwassal għal kwalifikazzjoni għal stadji oħra tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA, ifisser żieda fid-dħul finanzjarju tal-klabbs Maltin mill-UEFA li jammonta għal mijiet ta’ eluf.
Fl-istaġun li għadda, 2024/25, bir-riżultati miksuba mill-erba’ klabbs Maltin li pparteċipaw fl-Ewropa, ċioé Ħamrun Spartans, Floriana, Sliema Wanderers u Marsaxlokk, l-ammont ikkombinat li dawn il-klabbs lokali qalgħu kien jaqbeż iċ-ċifra ta’ żewġ miljuni u nofs ewro.
//= $special ?>