Lokali

Wara sentenza mill-Qorti Ewropea : Se tiġi eliminata l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti

Il-PN ilu snin jinsisti li ċ-ċittadinanza għandha tingħata fuq mertu u rabta ġenwina ma' pajjiżna

Wara pressjoni mill-Partit Nazzjonalista, u kundanna mill-Qorti Ewropeja, il-Gvern Laburista se jkun qed jelimina l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Fi briefing indirizzat mill-Ministru Byron Camilleri l-Erbgħa waranofsinhar, il-Gvern ħabbar li permezz ta’ emenda, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza se tkun qed tiġi eliminata u għaldaqstant l-iskema sabiex wieħed jingħaa ċ-ċittadinanza Maltija se tkun ibbażata fuq mertu u rabta ġenwina ma’ pajjiżna.

L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, kif qegħdha attwalment hija dik introdotta mill-eks mexxej tal-Labour Joseph Muscat…u li tippermetti barranin sabiex jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ ħlas ta’ bejn 600,000 ewro u 750,000 ewro flimkien ma’ donazzjonijiet u investimenti propjetarji oħra.

Iżda issa, wara l-kundanna mill-Qorti Ewropea u pressjoni qawwija mill-Partit Nazzjonalista – sabiex wieħed jingħata ċ-ċittadinanza Maltija, dan irid ikun offra “servizz u kontribuzzjoni eċċezzjonali” lill-pajjiżna – u għalhekk jingħata ċittadinanza permezz tal-proċess ta’ naturalizazzjoni u mhux permezz ta’ transazzjoni kummerċjali.

B’dawk eliġibbli sabiex jakkwistaw iċ-ċittadinanza jkunu jkunu xjentisti, riċerkaturi, atleti, artisti kulturali u persuni li jaħdmu fit-tekonoloġija fost l-oħrajn.

Il-proċess sabiex wieħed jakkwista ċittadinanza, se jkun qed jibda permezz ta’ talba sottomessa mal-Aġenzija Komunità. U filwaqt li mhux se jkun mitlub li titħallas somma fissa, l-applikanti se jkunu mitluba sabiex jippreżentaw proposta li hija xhieda tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lejn pajjiżna jew li huwa maħsub li jagħtu lill-pajjiżna.

Intant, kien spjegat illi dawk il-barranin li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija bl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti oriġinali, se jkunu qed jibqgħu jżommu ċ-ċittadinanza filwaqt li applikazzjonijiet pendenti li huma skont l-iskema tal-bejgħ mhux ħa jkunu pproċessati.

L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija kienet introdotta lura fl-2014, meta Joseph Muscat kien fit-tmun tal-pajjiż. Skema li qajjmet numru ta’ kontroversji hekk kif iċ-ċittadinanza Maltija, kienet qed tiġi mibjugħa lil barranin li ma jkollhom l-ebda relazzjoni ma’ pajjiżna. Bil-Partit Nazzjonalista jinsisti sa mill-bidu sabiex l-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija ma tkunx waħda ta’ transizzjoni kummerċjali.