Raġel ta’ 26 ġie arrestat wara hit-and-run li qatel l-ixjaħ persuna li qatt ġera f’maratona fid-Dinja.
Amriptal Singh Dhillon, li għandu 26 sena, ġie arrestat wara li l-Erbgħa 14 ta’ Lulju, laqat u qatel lil Fauja Singh f’Punjab, fl-Indja.
Fir-rapporti tagħha, l-Pulizija Indjana qalet li Singh, li kellu 114 sena, kien qed jaqsam it-triq meta intlaqat minn SUV bajda, inċident li sfortunatament ħalla lill-anzjan mejjet.
Bil-Pulizija tispjega illi, li kieku s-sewwieq tal-vettura ħa lill-vittma l-Isptar, kien hemm ċans minimu li l-anzjan isalva.
Fauja Singh huwa magħruf għall-maratoni li hu kien jipparteċipa fihom. Huwa beda jiġri fl-età ta’ 89 sena u b’kollox ġera disa’ maratoni fi 13-il sena sakemm irtira fl-2013.
L-anzjan, li huwa l-aktar raġel anzjan li qatt ipparteċipa f’maratona fid-Dinja, kiser diversi rekords fosthom li kien l-ewwel persuna li kellu ‘l fuq minn 100 sena li ġera maratona sħiħa, dan filwaqt li huwa ġarrn it-torċa tal-Olimpjadi fl-2012.
Minkejja dan, il-Guinnes World Records ma setgħux jiċċertifikaw dawn ir-rekords għaliex Singh ma għandux ċertifikat tat-twelid, dan hekk kif huwa twieled lura fl-1911.
//= $special ?>