Lokali Qorti

Żewġt irġiel jingħataw il-ħelsien mill-arrest wara akkużi ta’ traffikar ta’ eroina

Melvin Muscat ta’ 39 sena u Christopher Scerri ta’ 46 sena ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew mixlija f’Ġunju li għadda b’akkużi ta’ traffikar ta’ droga tat-tip eroina. It-tnejn tressqu l-Qorti fis-23 ta’ Ġunju, u wieġbu li mhumiex ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo.

Il-Qorti semgħet kif l-Ispettur tal-Pulizija Mark Mercieca kien irċieva informazzjoni fid-19 ta’ Ġunju dwar skambju ta’ droga ppjanat għall-għada filgħodu fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi. Ftit qabel is-6am, uffiċjali tal-Pulizija raw lil Scerri, li jgħix f’dik iz-zona, jiltaqa’ ma’ Muscat li wasal bil-vettura tiegħu ta’ tip pick-up. Kemm Muscat kif ukoll Scerri huma magħrufa mal-Iskwadra kontra d-Droga.

Il-Pulizija osservat skambju ta’ borża ħamra bejn it-tnejn. Kif resqu biex jintervjenu, Muscat telaq minn fuq il-post b’veloċità eċċessiva fuq in-naħa l-oħra tat-triq, fejn kien hemm vetturi ġejjin bil-kontra. Wara ġie arrestat wara li kien mar fl-Għassa tal-Pulizija fit-2:30pm tal-20 ta’ Ġunju. Huwa stqarr mal-Pulizija li jiddispjaċih u rrikonoxxa li seta’ weġġa’ lil xi ħadd.

Waqt l-intervent tal-Pulizija: Scerri deher jitfa’ borża ħamra u pouch iswed fil-miżbla ħdejn dar ta’ ommu. Il-borża ħamra kienet fiha 500g ta’ sustanza suspettata eroina. Il-pouch iswed kien fih 15-il pakkett żgħir b’sustanza kannella suspettata eroina.

Fi tfittxija fid-dar ta’ Scerri nstabu mobiles, deheb, arma tan-nar u munizzjon. Instab ukoll kuntratt ta’ kiri għal proprjetà oħra f’Ħal Qormi, li kienet qed tintuża minn Scerri. F’dik il-proprjetà oħra nstab pakkett ieħor b’sustanza kannella, flimkien ma’ oġġetti relatati ma’ ħasil ta’ flus u traffikar ta’ droga.

Muscat, minkejja li kien ra l-borża tingħatalu, ma nstabx bid-droga. Fil-vettura tiegħu nstabu dokumenti u mobile biss. L-Ispettur Mercieca kkonferma li Muscat ammetta li r-‘road rage’ setgħet wettqet ħsara. L-Ispettur qal ukoll li l-Pulizija raw lil Scerri jarmi l-borża u l-pouch.

Pulizija li osserva kollox irrakkonta kif ra lil Scerri jasal b’pick-up ħamra, jidħol fid-dar u joħroġ b’borża f’idu. Huwa ra b’għajnejh l-iskambju u l-mument meta Scerri tefa’ l-oġġetti fil-miżbla. Scerri qed jiġi akkużat b’pussess ta’ eroina f’ċirkostanzi li jindikaw traffikar, pussess ta’ arma tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja.

Ksur ta’ tliet kundizzjonijiet ta’ ħelsien proviżorju, sewqan perikoluż u disubbidjenza għal ordnijiet tal-Pulizija u li wtettaq reat waqt perjodu ta’ sentenza sospiża. Muscat qed jiġi akkużat fuq parteċipazzjoni fi traffikar ta’ droga, sewqan perikoluż u ħarba mill-Pulizija.

Deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest

Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat tal-Istat Daniel Tabone, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, speċjalment fid-dawl tal-karattru ta’ Scerri u l-ksur ripetut ta’ kundizzjonijiet. Il-Qorti madankollu qalet li t-tħassib jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ kundizzjonijiet stretti.

It-tnejn ingħataw il-ħelsien mill-arrest taħt dawn il-kundizzjonijiet: €6,000 depożitu u €8,000 garanzija personali. Firma ta’ kuljum fil-Għassa tal-Pulizija u curfew.

Għal Scerri dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri filwaqt li għal Muscat dehru l-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio