Mill-inqas 55 persuna mietu f’nar li żviluppa wara li sploda air condition f’ċentru kummerċjali ġdid f’Kut, l-Iraq. Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija u Il-Corniche Hypermarket Mall kien għadu kif fetaħ biss ħamest ijiem qabel.
L-awtoritajiet lokali kkonfermaw li bosta ndarbu filwaqt li oħrajn għadhom ma nstabux.
Il-gvernatur reġjonali Mohammed al-Miyahi, sostna, “ġratilna traġedja u diżastru.” Dan filwaqt, li ħabbar azzjoni legali kontra s-sid taċ-ċentru u reviżjoni tal-miżuri kollha ta’ sigurtà.
Uffiċjali mediċi qalu li bosta persuni nstabu maħruqin. Mal-kamra tal-aħbarjiet lokali, AFP, tabib wieħed qal li tilef ħames membri tal-familja fin-nar.
Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar salvaw diversi persuni, filwaqt li l-ambulanzi komplew jieħdu lill-vittmi lejn sptarijiet fil-qrib fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu.
Investigazzjoni dwar il-kawża tan-nirien għadha għaddejja, bir-riżultati preliminari mistennija joħorġu fi żmien jumejn.
//= $special ?>