Sport

Midalji Olimpiċi u Paralimpiċi

Meta fadal biss 205 jum qabel ma jibdew il-Logħob tax-Xitwa, l-organizzaturi tal-Olimpjadi tal-2026 f’Milan-Cortina, l-Italja, żvelaw il-midalji Olimpiċi u Paralimpiċi. 

Il-midalji huma ddisinjati bil-ħsieb tal-inklussività u mal-ambjent simboliku tal-ideal Olimpiku. Il-midalji kienu ppreżentati f’Venezja, il-kapitali ta’ Veneto — wieħed mir-reġjuni ospitanti tal-Logħob, Il-midalji ġew introdotti mill-atleta Olimpika Taljana Valentina Marchei, li hija wkoll Kap tal-Programm tal-Ambaxxaturi għal Milano Cortina 2026.

Fi preludju impressjonanti, il-midalji waslu bid-dgħajsa tul il-Canal Grande, akkumpanjati mill-ikona tal-għawm Olimpiku Federica Pellegrini u l-leġġenda Paralimpika Francesca Porcellato, li l-14-il midalja tagħha jkopru kemm il-Logħob tas-sajf kif ukoll dawk tax-Xitwa.

Il-midalji, iddisinjati mit-tim ta’ Milan-Cortina 2026 u maħduma mill-Istitut Statali taz-Zekka u l-Polografiku tal-Italja, huma magħmula minn metall riċiklat bl-użu ta’ enerġija rinovabbli u ppakkjati f’materjali ekoloġiċi.

L-għan huwa li jissimbolizzaw mhux biss it-trijonf atletiku iżda wkoll ix-xogħol f’tim, l-għaqda u r-reżiljenza fejn kull midalja hija biċċa unika, riżultat tas-sengħa u l-innovazzjoni.

B’kollox se jsiru total ta’ 1,146 midalja: 245 midalja tad-deheb, 245 midalja tal-fidda u 245 midalja tal-bronż għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa, u 137 midalja tad-deheb, 137 midalja tal-fidda u 137 midalja tal-bronż għal-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa.