Lokali Qorti

Bulgaru jinżamm arrestat wara li allegatament ta xebgħa raġel u kkaġunalu feriti gravi

Preslav Dimitrov, żagħżugħ ta’ 20 sena minn Varna, il-Bulgarija u residenti San Pawl il-Baħar, inżamm taħt arrest wara li ġie mixli li weġġa’ b’mod gravi raġel li allegatament kien qed jitkellem mal-eks tfajla tiegħu. L-inċident allegatament seħħ fil-Qawra, fit-13 ta’ Lulju li għadda.

Il-Prosekuzzjoni sostniet li Dimitrov, li qal li jaħdem bħala xufier, attakka lir-raġel meta lemħu jitkellem mal-eks tfajla tiegħu. L-allegat vittma rrakkonta lill-Pulizija li waqt li kien qed jitkellem mal-mara, xi ħadd ħareġ minn wara xi ħaxix u tah xebgħa, bil-konsegwenza li spiċċa b’ħafna demm f’wiċċu u kellu bżonn kura medika.

Dimitrov ġie arrestat l-għada fuq il-post tax-xogħol tiegħu f’Birkirkara. Huwa ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi mingħajr intenzjoni li joqtol jew ipoġġi f’periklu serju lill-vittma, Li uża l-forza biex iweġġgħu, heddu, insulentah u kkaġuna biża’ ta’ vjolenza imminenti.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Godwin Cini u l-Ispetturi Warren Galea u Cheyenne Mangion, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, billi għad fadal numru ta’ xhieda biex jixhdu – fosthom l-istess mara u kollegi tax-xogħol tal-akkużat – u hemm il-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.

Intqal ukoll li l-akkużat ma għandu l-ebda rabta soda ma’ Malta fejn ilu inqas minn sena jgħix f’dawn il-Gżejjer u li jgħix f’post mikri u lanqas għandu permess ta’ residenza. Id-difiża, rappreżentata mill-Avukat Ingrid Zammit Young, qalet li l-akkużat għandu xogħol u jħallas it-taxxa, u li huwa għadu preżunt innoċenti.

Hija kkontestat ukoll il-verżjoni li l-mara kienet l-eks tfajla tiegħu u qalet ukoll li għandu rabtiet ma’ Malta fejn jgħix ma’ zijuh. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma, sabiex tiżgura li l-imputat ma jersaqx lejn il-vittma u lanqas ma jkollu kuntatt miegħu b’xi mezz, inkluż dak elettroniku jew permezz ta’ terzi persuni.

Fin-nuqqas ta’ dan, qalet il-Qorti, huwa jerġa’ jitressaq il-Qorti u jekk jinstab ħati jiġi kkundannat għall-multa sostanzjali u perjodu ta’ priġunierija. Il-każ se jkompli fis-smigħ tal-provi fil-ġranet li ġejjin bil-Qorti tħeġġeġ lill-Prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss tressaq ix-xhieda mportanti b’rabta mal-każ.