Futbol Sport

“Għal darb’oħra qed niċċelebra għeluq snini b’kwalifikazzjoni għal rawnd ieħor tal-Ewropa.” – Johann Said, President ta’ Floriana

Johann Said, President ta' Floriana
Johann Said, President ta' Floriana

Għal Johann Said, President ta’ Floriana, ir-rebħa u l-kwalifikazzjoni tal-greens għat-tieni rawnd tal-UEFA Conference League kienet tfisser ferħa doppja. Dan għaliex fl-istess lejla li Floriana reġgħu dawwru telfa f’rebħa kontra Haverfordwest County AFC ta’ Wales, biex avvanzaw għar-rawnd li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea b’aggregate ta’ 5-3, Said kien qed jiċċelebra għeluq sninu.

Għaldaqstant il-President ta’ Floriana ma setgħax jingħata rigal aħjar u isbaħ minn hekk mill-plejers tiegħu. Ironikament, dan kien l-istess rigal li rċieva sena llu meta fl-istess jum kienu eliminaw lil Tre Penne ta’ San Marino, fl-istess rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.

F’kummenti li Said ta lil Replay, ftit tal-minuti biss wara li f’Wales, Floriana aċċertaw minn passaġġ għat-tieni rawnd ta’ din il-kompetizzjoni, hu kien ewforiku għall-prestazzjoni u r-riżultat miksub mit-tim tiegħu fil-ġurnata.

“Qabel xejn nixtieq nirringrazzja lit-tim kollu, plejers u staff tekniku, lill-partitarji Furjaniżi li kienu preżenti f’Wales għal din il-logħba, iżda mhux biss. Grazzi speċjali lill-poplu Malti u Għawdxi għaliex ninsab ċert li llejla kollha kienu qed jagħtu l-appoġġ lil Floriana bħala tim Malti.” Dawn kienu l-ewwel kummenti li nissel Said ma’ Replay, meta tlabniħ jagħtina l-ewwel reazzjoni għar-riżultat miksub fit-tieni logħba kontra Haverfordwest County AFC.

Said ma żammx lura milli jesprimi l-ferħ kbir li kien qed iħoss, wara li ntemmet il-partita, f’Parc y Scarlets. “Din hija t-tieni sena tiegħi, li b’kumbinazzjoni, f’jum għeluq snini, iċċelebrajt ukoll kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss ta’ kompetizzjoni tal-Ewropa ma’ Floriana għalhekk illejla ninsab tassew kuntent,” żied jgħid Said.

Bir-rebħa tal-lejla kontra Haverfordwest County AFC, Floriana kien it-tieni tim Malti li din il-ġimgħa rrmexxilu jaqbeż rawnd tal-Ewropa, b’Ħamrun Spartans jagħmluha fil-UEFA Champions League u Floriana fil-UEFA Conference League. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Said temm il-kummenti tiegħu billi saħaq li “din kienet rebħa importanti għall-futbol Malti u għalhekk ejjew nibqgħu naħdmu biex ngħollu l-livell tal-futbol domestiku.”