Kull min hu involut fil‑qasam sportiv — inkluż atleti, kowċis, membri ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet — huma mistiedna jieħdu sehem fil‑Ġublew tal‑Isportivi li se jsir nhar il‑Ħadd li ġej, 20 ta’ Lulju 2025, fid‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi.
Il‑Ġublew tal‑Isportivi se jibda b’ġirja (fun run) miftuħa għal kulħadd, kemm tfal, żgħażagħ kif ukoll adulti, bl‑għażla ta’ żewġ rotot: waħda ta’ 1.5 kilometru u oħra ta’ 3.5 kilometru. Il‑fun run tibda fit‑8am minn ħdejn il‑Kappella ta’ San Niklaw u tispiċċa fid‑Dar tal‑Providenza, fejn tkun għaddejja l‑Maratona tal‑Volleyball b’risq ir‑residenti tad‑Dar. L‑għan hu li kulħadd jipparteċipa f’attività li tgħaqqad l‑eżerċizzju fiżiku, ir‑reżiljenza, is‑solidarjetà u t‑tama.
Mid‑9am ’il quddiem, il‑parkeġġ tad‑Dar tal‑Providenza jinbidel f’ċentru ta’ attività sportiva u soċjali fejn se jkun hemm logħob u attivitajiet għall‑etajiet kollha. Dan minbarra l‑40 player li diġà jkunu qed jieħdu sehem fl‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien, li se tkompli sa nofsillejl tal‑Ħadd stess.
Fid‑9:30am l‑Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi quddiesa fil‑kappella tad‑Dar tal‑Providenza, li tiċċelebra r‑rabta bejn l‑isport, il‑fraternità u l‑fidi.
L‑attivitajiet tal‑Ġublew tal‑Isportivi huma organizzati mill‑Kummissjoni Djoċesana Sport, id‑Dar tal‑Providenza u Savio Athletics Club.
Għal aktar dettalji jew biex tirreġistra għall‑ġirja, żur il‑website gublew.mt.
Dawn l‑attivitajiet tal‑ġublew jagħmlu parti miċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ġublew 2025 fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta u fid‑dinja Kattolika kollha, fejn l‑Insara – u l‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba – huma mistiedna sabiex matul din is‑sena jkunu pellegrini tat‑tama fid‑dinja tal‑lum, permezz ta’ atti ta’ fidi, karità u għaqda.
//= $special ?>