Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għal raġel li ssokta jsus u jhedded lill-eks sieħba tiegħu minkejja ordnijiet ta’ trażżin

Hasan Hasan bin Awad Hasan, Sirjan ta’ 57 sena residenti Marsaskala, ġie kkundannat għal ħames snin priġunerija effettiva u multa ta’ €200, wara li l-Qorti sabitu ħati ta’ sensiela ta’ reati ta’ vjolenza domestika, inkluż ksur ripetut ta’ ordnijiet ta’ trażżin, ksur ta’ ħelsien mill-arrest, u ksur ta’ ordni ta’ probation. Il-vittma f’din il-kawża hija l-eks sieħba tiegħu li f’dawn l-aħħar snin kienet għamlet diversi rapporti ta’ fastidju u theddid kontra Hasan.

Il-każ kontra Hasan jibqa’ jsegwi mudell ta’ ossessjoni u kontroll li kompla jeskala minkejja li kienu diġà ġew imposti tliet ordnijiet ta’ trażżin minn qrati differenti – f’April, Mejju u Awwissu tal-2024. Minkejja dawn l-ordnijiet legali, il-Qorti sabet li Hasan baqa’ jersaq lejn il-vittma, jiffastidjaha, u f’xi każijiet jidher ukoll jgħasses id-dar tagħha u jsegwiha viċin ix-xogħol.

Hasan instab f’diversi drabi viċin tar-residenza tagħha f’Marsascala, minkejja li kellu ordnijiet restrittivi attivi maħruġa minn tliet Maġistrati differenti matul l-2024 – inkluż ordni li tibqa’ fis-seħħ sal-2027. L-episodji kienu jinkludu l-preżenza tiegħu qrib id-dar tagħha, fil-viċinanzi tal-bank fejn tgħaddi kuljum, u anke ħdejn l-iskola fejn għandha t-tifla.

Fix-xhieda tagħha l-vittma qalet li f’okkażjoni minnhom – fit-8 ta’ Diċembru 2024, wara li spiċċat mix-xogħol għall-ħabta tas-7pm – waslitha ħabiba tagħha lura d-dar fejn waqt li kienet miexja lejn ir-residenza tagħha innutat li kien hemm persuna liebsa ‘hoody’ griża fil-viċinanzi ta’ fejn toqgħod hi fejn għall-ewwel inħasdet xħin ratu u kif reġgħet ħarset indunat li kien Hasan.

Dak il-ħin l-imputat għajtilha u qalilha li ma kienx hemmhekk minħabba fiha fejn talabha wkoll sabiex ma tagħmillux rapport l-għassa. Hi żiedet tgħid li nhar it-2 ta’ Diċembru 2024, kienet rat lill-imputat ħdejn il-Bank tal-HSBC li jinstab qrib ir-residenza tagħha, u liema bank hi tgħaddi kuljum quddiemu sabiex tmur jew tirritorna għax-xogħol.

Innutat ukoll li dakinhar kien b’karozza tal-kiri u kien qisu għassa tagħha. Fl-istess ġurnata, kif ġabret it-tfal mill-iskola u rritornat lura d-dar, sabet lill-imputat fl-istess post u l-istess aktar tard għall-ħabta tal-5.30pm, meta marret sabiex tieħu lit-tifla tagħha l-privat.

Qalet ukoll li bintha kienet innutat lill-imputat ukoll l-għada fit-3 ta’ Diċembru 2024 fl-istess post. Fis-6 ta’ Jannar 2025 il-vittma spjegat fil-Qorti li hi kienet f’relazzjoni mal-imputat u għandha tifla minnu li llum il-ġurnata għandha 15-il sena fejn spjegat ukoll li huma kienu jgħixu flimkien sa April 2024.

Kompliet tgħid li f’April 2024 huma bdew ikollhom l-inkwiet fejn hu allegatament kien qed jheddidha u affarijiet simili fejn kienet irrapurtatu, bil-konsegwenza li kienu jinħarġu ordnijiet ta’ protezzjoni favuriha fil-konfront tiegħu, bis-saħħa ta’ liema hu ma setax jagħmel kuntatt magħha jew javviċinha.

Spjegat li nhar it-8 ta’ Diċembru 2024 għall-ħabta tas-7.30pm, kienet waslitha l-ħabiba tagħha bil-karrozza tagħha lura d-dar fejn waqfitha fit-Triq tal-Inspire ġewwa Marsaskala. Hi bdiet miexja lejn ir-residenza tagħha u kif ġiet biex iddur il-kantuniera qabeż Hasan minn wara ċ-ċint ta’ Villa li tinstab tmiss u tinfed mal-appartament tagħha.

Qalet li fil-bidu ma ndunatx li kien hu allavolja ħasadha u beżgħet peress li tkun qed tistennihom dawn l-affarijiet mingħandu u dan peress li hu kien ġieli jmur għall-għarrieda ħdejha. Spjegat li kellu ‘hoody’ f’rasu fejn kif hu innota li hi għarfitu qalilha li hu ma kienx qiegħed hemmhekk għaliha iżda saħaq li kellu xi ħaġa moħbija fil-front garden tal-Villa ta’ ħdejha u li kien mar biex jiġborha.

Jheddidha li se jħanxrilha għonqa b’sikkina

Hu kien mistoħbi wara ċ-ċint u ħasadha meta’ għamel hekk. Spjegat ukoll li hi nħasdet kif ratu kemm għax kien id-dlam u minħabba l-mod kif kien liebes kif ukoll peress li seta’ kellu arma jew oġġett fuqu u fil-passat kien ġieli heddidha bl-armi u bis-skieken u kien anki jgħidilha li se jħanxrilha għonqha u diskors simili jekk hi titilqu.

Qalet infatti li meta hi ddeċidiet ittemm ir-relazzjoni u ma kienx ħadha sew u ma kienx aċċettha. Hi spjegat li meta Hasan ġabilha dik l-iskuża qaltlu li ma kellux għalfejn jaħbi xejn hemmhekk u ma kellux lanqas għal xiex ikun hemm u dan fid-dawl tal-ordni ta’ protezzjoni li hemm in vigore kontra tiegħu u favur tagħha u li kienu għadhom applikabbli dakinhar tal-każ.

Stqarret ukoll fuq mistoqsija tal-prosekuzzjoni li ma ratlu xejn f’idu u b’hekk ma tafx x’mar jieħu. Spjegat ukoll li hi ġieli ratu fil-kantuniera meta tkun ħierġa għax-xogħol jew meta tkun sejra għall-privat mat-tifla fejn ikun sempliċiment qed iħares ‘l hemm u ‘l hawn jew lejn il-karrozzi għaddejjin.

Skont ix-xhud hu kien qiegħed hemm biex joqgħod għassa tagħha u ma kellu l-ebda raġuni għalfejn ikun hemmhekk għal xejn b’xejn u dan fi triq li hu jaf li hi bilfors trid tgħaddi minnha. Qalet ukoll fuq mistoqsija tal-Qorti li l-aġir tal-imputat kien iġġegħelha tħossha mbeżżgħa peress li ma kinitx tkun taf x’jista’ jkollu f’moħħu.

Qalet ukoll li hi għadha ssakkar kullimkien anki waqt li jkun arrestat u tinħasad mal-inqas ħoss li tisma’. Spjegat infatti li kien hemm episodju meta hi kienet ix-xogħol u kien hemm it-tifla l-kbira rieqda d-dar bil-kelba ħdejha fejn f’nofs ta’ lejl il-kelba qamet timbah bla rażan u titriegħed fejn il-kelba ddiriġiet lil bintha għall-kċina fejn innutat li tieqa minnhom ma kinitx magħluqa sew peress li ndunaw li kienet magħluqa bil-kontra ta’ kif kienu ħallewha. U mbagħad il-kelba marret tinbaħ fil-kamra tas-sodda tax-xhud.

Fix-xhieda tagħha, il-mara qalet li l-aġir tiegħu wassalha biex tgħix f’biżgħa kostanti, anki meta jkun arrestat. Qalet ukoll li l-imputat saħansitra kien jidher qrib id-dar tagħha b’karozza tal-kiri, jidher qisu qed josserva, u dan wassalha biex tissakkar fid-dar u tinkwieta anke għal bintha.

Il-Qorti kkonstatat ukoll li Hasan, waqt li kien taħt kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest b’€6,000 garanzija, kiser kull obbligu li kien fuqu, u dan anke fi żmien meta kellu sentenza ta’ probation pendenti li kienet suppost saret biex jindirizza l-imġiba tiegħu.

Il-Maġistrat Lara Lanfranco osservat b’mod ċar li l-imputat “mhuwiex kapaċi jaċċetta li r-relazzjoni ntemmet u baqa’ jkompli jsus warajha, indipendentement minn dak li hi tixtieq kif ukoll l-ordnijiet li ngħata minn Qorti wara oħra sabiex iżomm ‘il bogħod minnha.”

Il-Qorti enfasizzat li l-unika mezz realistiku biex tipproteġi lill-vittma huwa l-ħabs effettiv, hekk kif Hasan ma wera l-ebda rieda li jobdi ordni jew jieqaf minn dan il-komportament li jikkostitwixxi fastidju serju u persistenti.

Il-Qorti, wara li analizzat l-artikoli rilevanti tal-Kodiċi Kriminali u tal-liġijiet dwar il-vjolenza domestika, iddeċidiet li Hasan instab mhux ħati tat-tieni imputazzjoni relatata ma’ fastidju separat, u għalhekk ġie illiberat minn dak il-kap ta’ akkuża.

Madankollu, ġie misjub ħati tal-bqija tal-imputazzjonijiet relatati ma’ vjolenza domestika, fastidju, ksur ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni, ħelsien mill-arrest, probation u reċidiva skont l-artikolu 49 tal-Kap. 9. Il-Qorti kkundannatu għal ħames snin priġunerija effettiva u multa ta’ €200.

Ġiet imposta fuqu wkoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma, u ordni ta’ trattament għal tliet snin, sabiex jirċievi għajnuna psikoloġika għall-imġiba ossessiva tiegħu. Minħabba l-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €6,000 f’depożitu u garanzija.

Il-Qorti ħassret ukoll il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, u għaldaqstant ġie ordnat ir-riarrest immedjat tiegħu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri filwaqt li l-Avukat Edmond Cuschieri deher bħala parte civile għan-nom tal-vittma.

l.