Bil-għan li jipproteġi lill-klijenti mill-frodi u l-kriminalità finanzjarja, il-Bank of Valletta introduċa żewġ miżuri ġodda li għandhom isaħħu s-sigurtà kull darba li l-klijenti jagħmlu kuntatt maċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent jew iwettqu tranżazzjonijiet minn xi waħda mill-Fergħat.
L-inizjattivi l-ġodda jinkludu proċess iktar sigur biex jiġu awtentikati l-klijenti meta jċemplu liċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, kif ukoll notifika permezz ta’ SMS li jintbagħat direttament lill-klijenti kull darba li jiġbdu flus kontanti minn waħda mill-fergħat tal-BOV.
Il-klijenti li jagħmlu kuntatt maċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, normalment huma mdorrija li jridu jwieġbu mistoqsijiet ta’ sigurtà li jsirulhom mill-aġenti tal-Bank qabel ma jkunu jistgħu jinqdew. Bil-bidliet il-ġodda, klijenti li huma reġistrati għas-servizzi elettroniċi bħall-Internet u l-Mobile Banking, issa se jkunu mitluba jillogjaw malli jagħmlu kuntatt mal-aġenti tal-Bank u b’hekk ir-rappreżentant ikun jista’ jivverifika li t-telefonata hija ġenwina minħabba li l-aċċess għall-Internet jew il-Mobile Banking irid jiġi awtentikat bis-sistema tal-Password jew il-Biometriċi mill-mobile tal-klijent stess.
Il-proċess imbagħad jipproċedi billi l-klijenti jikkonfermaw l-identità tagħhom u d-data tat-twelid. Il-proċess il-ġdid se jkun qed jiffranka lill-klijenti bejn ħames u seba’ minuti filwaqt li fl-istess ħin isaħħaħ is-sigurtà permezz ta’ diversi livelli ta’ awtentiċità.
Inizjattiva oħra li ġiet introdotta riċentament, hija notifika permezz ta’ SMS li l-klijenti jirċievu meta jiġbdu flus kontanti mingħand il-kaxxiera f’xi waħda mill-fergħat. Din in-notifika għandha żżid is-serħan tal-moħħ għall-klijenti li jkunu jafu eżatt malli jinġibdu l-flus, anke f’istanti leġittimi meta persuni terzi jkunu awtorizzati li jiġbdu l-flus f’isem ħaddieħor. Permezz tan-numru reġistrat mal-Bank, il-klijenti qed ikunu infurmati mill-ewwel bit-tranżazzjoni li tkun għadha kemm seħħet.
Il-Bank ifakkar lill-klijenti li dawn l-SMSes mhux se jsaqsu għal xi dettalji personali jew jitolbu lill-klijenti jidħlu f’xi links għal websites speċifiċi. Dan jibqa’ konformi mal-impenn kontinwu tal-Bank li jipproteġi lill-klijenti u jħeġġiġhom jibqgħu viġilanti fid-dawl ta’ theddid dejjem jiżdied minn frodisti. Klijenti li jkollhom suspett fuq xi tranżazzjonijiet speċifiċi għandhom jagħmlu kuntatt mal-Bank b’mod dirett u immedjat.
//= $special ?>