Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-potenzjal enormi tas-settur marittimu f’pajjiżna. Grazzi għax-xogħol bla waqfien ta’ ħafna professjonisti u ħaddiema f’dan il-qasam, Malta għandha l-akbar reġistru marittimu fl-Unjoni Ewropea.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk huwa mħasseb, bħal ma huma l-professjonisti f’dan is settur, li s-sanzjonijiet il-ġodda fuq ‘price capping’ fuq żejt Russu proposti mill-Unjoni Ewropea ser iwasslu sabiex vapuri li jġorru ż-żejt u li għandhom bandiera Maltija, jew bandiera ta’ kwalunkwe stat membru tal-UE, ser jiġu żvantaġġati meta mqabbla ma’ vapuri rreġistrati f’pajjiżi oħra li mhumiex milquta b’dawn is-sanzjonijiet.
Fi stqarrija Ivan Castillo ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja u Beppe Fenech Adami ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ, sostnew li dan jista’ ikollu impatt fuq il-bandiera Maltija, fejn numru ta’ sidien ta’ vapuri jistgħu jiddeċiedu li ma jibqgħux irreġistrati taħt il-bandiera Maltija u jirreġistraw il-vapuri tagħhom f’pajjiżi oħra barra mill-UE li m’għandhomx dawn il-limitazzjonijiet.
L-esperjenza turina li ladarba vapur jibdel il-bandiera tiegħu ma jkunx faċli ġġibu lura u dan jista’ jwassal għal telf finanzjarju kbir għal pajjiżna.
Diġà rajna kif sanzjonijiet simili fil-passat wasslu għal eżodu ta’ vapuri mir-reġistru Malti.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis sħiħ li s-settur marittimu Malti jista jikber aktar b’mod speċjali fir-registrazzjoni ta vapuri that il-bandiera maritima maltija, u dan billi titnaqqas il-burokrazija u jitjieb l-aċċess għar-reġistrazzjoni, filwaqt li tinżamm ir-reputazzjoni impekkabbli li Malta kisbet f’dan il-qasam.
L-eżodu possibli mill-bandiera Maltija jista’ jwassal għal tnaqqis ukoll fis-saħħa kollettiva tal-Unjoni Ewropea, partikolarment meta din tixtieq timplimenta diversi miżuri fosthom favur il-harsien ta’ l-ambjent fis-settur marittimu. Inqas ma jkun hawn vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija fl-Unjoni Ewropea, inqas se tkun il-leġittimità biex l-Ewropa tinnegozja jew timplimenta l-bidliet meħtieġa.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern Malti sabiex jeżerċita kull setgħa li għandu fil-Kunsill tal-Ministri fl-Unjoni Ewropea biex jassigura illi is-sanzjonijiet proposti ma jwasslux għal riżultat mhux mixtieq u li jista’ jiżvantaġġa industrija tant importanti għal pajjiżna u għall-Unjoni Ewropeja.
Is-sanzjonijiet hekk kif proposti sa issa huma aktar ta’ detriment għal pajjiżna u oħrajn fl-Unjoni Ewropeja milli għal dawk li għalihom huma maħsuba. Irridu nassiguraw li pajjiżna, li diġà għandu l-iżvantaġġ li huwa gżira, jiġi ttrattat b’mod ġust.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur marittimu u li b’dedikazzjoni kbira wasslu lil pajjiżna fejn qiegħed illum.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem investa f’dan is-settur u jibqa’ jqisu bħala wieħed mill-pilastri għall-futur ekonomiku. Irridu nkomplu ninvestu u nagħtuh is-saħħa kollha lil dan il-qasam sabiex ikompli jikber u jirnexxi.
//= $special ?>