Internazzjonali

Is-Sirja: Impenjat biex jipproteġi lid-Drużi wara t-theddid ta’ Iżrael

Il-President proviżorju tas-Sirja, Ahmed al-Sharaa, qal li l-protezzjoni taċ-ċittadini li jiffurmaw il-komunità tad-Drużi qed tinkwadra fost l-ogħla prioritajiet tal-Gvern tiegħu.

Dan wara li Iżrael ħalef biex jeqred il-qawwiet tal-Gvern Sirjan li akkużahom dwar sensiela ta’ attakki fuq id-Drużi – minoranza reliġjuża b’rabtiet mal-Iżraeljani u li għandha z-zoni residenzjali fil-provinċja Sirjana ta’ Suweida.

Il-President Sirjan impenja ruħu b’dan il-mod wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, nhar l-Erbgħa, konċentraw l-attakki fuq Damasku, il-belt kapitali tas-Sirja.

Fl-istess ħin, iżda, Ahmed al-Sharaa, għamilha ċara li s-Sirjani ‘mhumiex imbeżżgħin mill-possibbiltà ta’ gwerra’.

Fl-aħħar sigħat, intant, il-militar Sirjan kien qed jirtira minn Suweida skont il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-Mexxejja tad-Drużi. Madankollu, hemm it-tħassib sostanzjali li l-ftehim fraġli ‘ma jdumx biex jikkrolla’.

Mietu viċin  l-400 f’Suweida mindu, nhar il-Ħadd, żbruffaw il-battalji bejn il-milizji tad-Drużi u t-tribujiet tal-Bedwin.

U b’konsegwenza ta’dan, il-Gvern Sirjan bagħat il-qawwiet tiegħu fil-belt ta’ Suweida għall-ewwel darba mindu l-koalizzjoni ta’ ribelli, immexxija minn al-Sharaa, waqqgħu lir-reġim tal-eks-dittatur Sirjan, Bashar al-Assad, f’Diċembru li għadda…Kapitlu li kkonkluda 13-il sena ta’ gwerra ċivili fil-pajjiż.