Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-kaos totali li nħoloq bir-riżultati uffiċjali maħruġa mill-MATSEC għall-eżamijiet tas-SEC – li ħafna jafuhom bħala l-O-Levels – li mhumiex jinftiehmu mill-għalliema, mill-ġenituri u mill-istudenti. Ħadd mhu qed jifhem x’riżultat kiseb – la l-istudenti li għamlu l-eżamijiet, u lanqas il-ġenituri tagħhom, kif jixhed in-numru kbir ta’ dubji u mistoqsijiet li qed jitqajmu wara li nħarġu dawn ir-riżultati aktar kmieni din il-ġimgħa.
Fi stqarrija Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’; sostna li s-sistema l-ġdida – dik li fiha qegħdin jiġu kkunsidrati l-SBAs (School Based Assessments) għal-Livell finali – mhix ċara u għaldaqstant il-Ministeru għandu jiċċara u jikkjarifika kif qegħdin jinħarġu r-riżultati finali biex ikunu evitati d-dubji kollha.
Biex tgħaxxaqha, il-Ministeru għall-Edukazzjoni – fi stqarrija maħruġa nhar it-Tlieta filgħaxija – ma kienx korrett għalkollox fl-informazzjoni li ta, u dan kompla jikkomplika s-sitwazzjoni. Il-Ministeru fisser, b’mod assolutament żbaljat, li l-marka tal-SBAs, tikkostitwixxi 30% tal-Grad finali, liema affermazzjoni mbagħad ġiet riveduta għaliex il-marka tal-SBAs tiddetermina l-Livell finali (u mhux il-Grad) meta tingħad flimkien mal-Grad. Ladarba tali marka għandha daqstant importanza biex tiddetermina l-Livell, is-sistema tal-SBAs għandha tkun aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar moderata. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni li f’dan il-qasam jeħtieġ riforma importanti.
L-għalliema ilhom jesprimu t-tħassib tagħhom dwar din is-sistema ġdida u dak li ġara jkompli jikkonferma kemm kellhom raġun. Għalhekk huwa evidenti li din is-sistema l-ġdida għandha tkun spjegata sewwa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li hija r-responsabbiltà tiegħu li jispjega lilll-pubbliku, fost l-oħrajn:
- kif qegħdin ikunu kkombinati flimkien il-marki tal-SBAs (dawk li jidhru f’Paper I) u tal-Grad (dawk li jidhru f’Paper II) biex f’ċerti każijiet studenti li ġabu Grad 6 jew 7 kisbu xorta Livell 3 daqs dawk li kisbu minn Grad 1 sa 5;
- jekk humiex il-Gradi jew il-Livelli li se jkunu aċċettati awtomatikment għat-tkomplija tal-edukazzjoni Post-Sekondarja;
- liema Gradi jistgħu jerġgħu jkunu ripetuti permezz ta’ re-sit u f’liema Livell jerġa’ jsir ir-re-sit;
- liema Livelli jistgħu jinkisbu mir-re-sit;
- kemm se ddum valida l-marka tal-SBA;
- għaliex il-marka tal-Paper I tal-Private Candidates ma dehritx fir-riżultat uffiċjali.
Il-Partit Nazzjonalista juri d-diżappunt tiegħu li minn din is-sena, ir-rapport ġenerali tal-MATSEC ma jinkludix statistika speċifika dwar il-Gradi imma biss dwar il-Livelli. B’hekk, mhuwiex magħruf kemm kien hemm studenti li kisbu Grad 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8 jew U għal kull suġġett. Tali statistika ppreżentata mhix kompleta u ma tagħtix stampa ċara dwar il-livell tal-istudenti Maltin li resqu għall-eżamijiet tas-SEC ladarba l-informazzjoni mogħtija tinkorpora biss il-Livelli, u bħal fil-każ ta’ Livell 3, dan jista’ jinkludi studenti li kisbu minn Grad 1 sa 7. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza huwa inġustifikabbli.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-MATSEC tal-ħidma tagħha u jawgura lill-istudenti kollha li rċivew ir-riżultati tal-eżamijiet f’dawn l-aħħar jiem.
//= $special ?>