Internazzjonali

L-Iraq: Luttu għall-vittmi tan-nirien f’kumpless kummerċjali

Mietu talanqas 60, b’għexieren jindarbu, wara li ċentru kummerċjali – twil madwar ħames sulari – fil-belt ta’Kut inħakem min-nirien f’qasir żmien.

Il-kumpless kien ġie inawgurat proprju ġimgħa qabel l-inċident, bl-iskwadri responsabbli mit-tifi tan-nirien idumu s-sigħat biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Il-filmati minn Kut li bdew jiċċirkulaw fuq il-media soċjali urew il-firefighters waqt li kienu qed jsalvaw lin-nies mill-ogħla sulari u l-bejt tal-kumpless. Madankollu, l-awtoritajiet lokali qalu li kien għad hemm in-numri sinifikanti tan-nies irrappurtati nieqsa.

Il-Gvernatur reġjonali Mohammed al-Miyahi qal li t-traġedja hi fost l-akbar li qatt seħħew f’Kut waqt li konferma li qed jittieħdu l-passi legali kontra s-sit ta’ dan il-kumpless.

Il-Gvernatur iddikjara tlett ijiem ta’ luttu, anki waqt li l-ambulanzi kienu qed iwasslu lill-midruba lejn l-eqreb sptarijiet taz-zona.

Il-belt ta’ Kut tinsab xi 160 kilometru lejn ix-xlokk tal-kapitali Bagdad.