LifeCycle Foundation ippreżentat donazzjoni ta’ €18,000 biex tappoġġja t-tħaddim kontinwu tas-software Traccia fir-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei. Il-preżentazzjoni saret waqt żjara fl-isptar, hekk kif it-tim tal-LifeCycle qed jipprepara għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ fi grupp qabel il-LifeCycle Challenge tal-2025 fil-Ġordan u l-Arabja Sawdija.
Din l-aħħar kontribuzzjoni tkompli l-appoġġ fit-tul ta’ LifeCycle għas-sistema avvanzata Traccia, li għandha rwol kruċjali biex jitqabblu d-donaturi mal-pazjenti li jkunu se jirċievu l-kliewi permezz ta’ trapjant. Il-kollaborazzjoni ta’ LifeCycle Malta mal-Ministeru għas-Saħħa tmur lura għall-2017, meta Traccia ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-Isptar Mater Dei.
Iċ-ċekk ġie ppreżentat mill-fundatur u ċ-Chairman ta’ LifeCycle Malta Alan Curry lil Keith Attard, CEO tal-Isptar Mater Dei. Il-fondi huma parti mis-somma miġbura permezz tal-LifeCycle Challenge tal-2024, li fih il-parteċipanti qadfu 2,000 km bir-rota mill-Botswana sal-Cape of Good Hope fl-Afrika t’Isfel.
“LifeCycle hija impenjata mhux biss li tqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi, iżda wkoll li tappoġġja b’mod attiv is-sistemi u l-professjonisti li jagħmlu t-trapjanti tal-kliewi possibbli,” ikkummenta Curry. “Traccia hija għodda imprezzabbli f’din il-missjoni, u aħna kburin li ngħinu biex niżguraw l-użu kontinwu tagħha f’Mater Dei.”
F’Malta, il-mard kroniku tal-kliewi jaffettwa madwar persuna waħda minn kull għaxra. L-għadd ta’ pazjenti li jirċievu l-haemodialysis jew il-peritoneal dialysis tipikament ivarja bejn 350 u 400 fi kwalunkwe ħin. It-trapjant tal-kliewi jibqa’ l-aktar trattament effettiv fit-tul għall-pazjenti b’defiċjenza renali serja, b’madwar 20 sa 25 operazzjoni mwettqa f’Malta kull sena.
LifeCycle (Malta) Foundation ġiet imwaqqfa fl-1999 biex tiġbor fondi u tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi permezz tal-isfida annwali taċ-ċikliżmu. L-isfida li jmiss diġà tinsab fil-qrib u t-tim tal-LifeCycle 2025 wasal għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ fi grupp bi tħejjija għall-vjaġġ bir-rota fil-Ġordan u l-Arabja Sawdija, minn Petra sa Jeddah.
Il-LifeCycle Challenge 2025 għandu l-appoġġ tal-isponsor ewlieni Nescafé flimkien ma’ sponsors oħra bħal Hili Ventures, Smart Technologies Ltd, Brown’s Pharmacy, M&Z plc, Nuum, Laferla Insurance u Valletta Waterfront.
Donazzjonijiet lil-LifeCycle Foundation jistgħu jsiru permezz tar-Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal mil-link: https://buff.ly/35g17CC jew billi wieħed jibgħat SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.
Donazzjonijiet permezz ta’ trasferiment bankarju jistgħu jsiru permezz tal-kodiċi Swift VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017. L-isem tal-bank huwa Bank of Valletta, u n-numru tal-kont huwa 14814521017.
Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – VO/0529 Għal aktar informazzjoni żur https://lifecyclefoundation.com.
//= $special ?>