Kultura Lokali

“Miljuni biex jitkessħu fil-Film Festival u l-artist Malti jiġbor il-loqom” – PN

Robert Abela u Owen Bonnici jibqgħu ma jweġbux għall-akkużi li għamlulhom nieshom stess dwar sparparljar ta’ flus li suppost investew fl-industrija tal-films

Għaddiet aktar minn ġimgħa minn mindu esponenti għolja fi ħdan il-Partit Laburista akkużaw lill-Ministru Owen Bonnici bi tberbiq ta’ flus bl-addoċċ bl-iskuża tal-Film Festival u sal-lum il-Gvern għadu ma ċaħadx dak li qalu Neville Gafà u Jason Micallef.

Il-Gvern qal li n-nefqa għal din is-sena għal dan il-festival kienet ta’ €5 miljun. Gafà qed jgħid agħar minn hekk u qed jinsisti li biex Owen Bonnici u Robert Abela żammew lil tal-qalba kuntenti b’naqra ta’ party bil-jottijiet, oysters, xorb u aktar, ħarġu ‘l fuq minn tmien miljuni oħra mill-kaxxa ta’ Malta. Fi kliem Neville Gafà “Min hu mejjet għal qatra u min hu mejjet fis-sakra”.

Jason Micallef, li huwa delegat speċjali tal-Labour responsabbli mill-implimentar tal-programm elettorali wkoll tkaża b’dan it-tberbiq ta’ flus il-poplu u qal li “b’5 miljun ewro minn fondi pubbliċi jsiru 20 spettaklu nfila fil-Belt Valletta ta’ lejliet l-ewwel tas-sena, u żewġ Isle of MTV’s konsekuttivi fuq il-Fosos”. Aħseb w’ara x’seta’ jsir b’aktar minn 14-il miljun.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra; u x-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini qalu li dan hu Gvern tal-kontinwità. Fil-fatt Owen Bonnici qed ikompli fuq dak li beda Clayton Bartolo – infiq bla limitu f’lussu żejjed biex jimpressjona lil erba’ VIPS waqt il-Film Festival filwaqt li l-Ministru m’għandux lanqas ħjiel ta’ strateġija dwar kif se jkabbar l-industrija, u filwaqt li l-artisti lokali tħallew għal riħhom u qed jispiċċaw jiġbru l-loqom li jogħġbu jtihom il-Ministru wara li jaqdi lil min jagħżel hu.

F’pajjiżna, fejn hawn tant talent, l-atturi, diretturi u produtturi Maltin m’għandhomx level playing field u l-fondi li suppost qegħdin hemm biex jgħinuhom qed jispiċċaw jitberbqu fil-ħmerijiet.

Din mhix l-ewwel sena li l-Gvern ta’ Robert Abela sab ruħu f’kontroversja dwar dan il-festival. L-Awditur Ġenerali kkonferma n-nuqqas ta’ kontabbiltà tal-Gvern f’dan il-qasam fl-imgħoddi: kuntratti mhux ippubblikati, kontijiet bankarji nieqsa, u l-ebda prova tal-benefiċċji ekonomiċi li suppost ġab l-infiq eżaġerat tal-Gvern.

Il-Gvern tat-trasparenza, kif tistaqsih jagħti rendikont, kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC), f’daqqa waħda jibla’ lsienu.

Robert Abela u Owen Bonnici donnhom iridu jnessu lin-nies li kull ċenteżmu li jonfqu huwa tal-ħaddiem u li jridu jagħtu rendikont tiegħu lil min ħadem għal dawk il-flus.

Il-miljuni li Abela u sħabu jsibu għall-gost u pjaċir tagħhom ma jsibuhomx għall-anzjani li qed jispiċċaw jixtru mediċini minn bwiethom għax out-of-stock, jew għal min qed jittallab għal xi mediċini speċjali minħabba xi kundizzjoni medika, ma sabuhomx biex jiftħu l-hub tas-saħħa fit-Tramuntanta li l-ewwel ħabbru u mbagħad qalu li m’għadux prijorità, ma jsibuhomx biex jiftħu l-bereġ u l-għases magħluqa, ma jsibuhomx biex jiftħu sptar tas-saħħa mentali ġdid jew biex jinvestu serjament fi skola ġdida kull sena, bħalma għamlu gvernijiet Nazzjonalisti. Ma jsibuhomx għall-edukaturi tagħna li jitħallew jittalbu għal snin sħaħ. Ma jsibuhomx biex jiftħu djar ġodda għall-anzjani tagħna. Ma jsibuhomx biex itejbu s-sistemi li qed jikkollassaw – bħal dik tad-drenaġġ u dik tad-dawl. Lanqas biss isibuhom biex jinvestu b’serjetà fl-industriji ta’ pajjiżna – inkluża dik tal-films.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob immedjatament il-pubblikazzjoni tal-kontijiet kollha u rendikont sħiħ ta’ kull ċenteżmu li Abela u sħabu nefqu għal dawn il-ftit ġranet tal-festival.

Jekk iridu jitwemmnu li dan kien ‘investiment’, għandhom minnufih imeru dak li qalu sħabhom stess, Neville Gafà u Jason Micallef, billi juru l-provi lill-pubbliku ta’ dak li nefqu u kif nefquh.

Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern qiegħed is-sisien tal-industrija tal-films. Għamel dan għax emmen bis-sħiħ fl-industrija, fl-artist lokali imma wkoll fl-abbiltà li pajjiżna għandu biex jattira investimenti kbar mill-industrija dinjija. Ma kellux għalfejn “jixtri” l-investiment ma kellux għalfejn  iberbaq biex jimpressjona lil ħadd. Meta investiment isir bis-serjetà, mhemmx bżonn xniexel biex nippruvaw nimpressjonaw.

Issa li r-red carpet reġa’ trembel u ntrefa’, il-mistednin telqu lura d-dar u l-Ministru neża’ ċ-ċoff, għandu jpoġġi mal-iskrivanija tiegħu u jagħmel il-kontijiet ħalli jippreżentahom lill-poplu Malti. Sakemm m’għandux x’jaħbi.