minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument
Fil-politika jkun hemm min jieħu ċerti deċiżjonijiet b’konvinzjoni iżda jkun hemm ukoll min – l-aktar meta jgħaddi ż-żmien minn fuq ċerti issues – jaġixxi b’KONVENJENZA, għaliex jaħseb li jkun hekk jaqbillu.
Fit-tul taż-żmien, iżda, in-nies tal-politika jkunu ġudikati fuq dak li wettqu meta pajjiż ikun wasal biex jiddeċiedi dwar aspetti li jista’ jkollhom konsegwenzi deċiżivi u fit-tul.
Illum bir-raġun ngħidu li, tista’ tgħid, ħadd m’għadu jiddubita għamilx tajjeb il-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami li, bħall-bieraħ 35 sena, applika, permezz ta’ Guido de Marco, għal sħubija fil-familja Ewropea.
Dak iż-żmien il-Labour bil-‘kbarat’ kollha tiegħu – Mintoff, KMB, Alfred Sant, Joseph Muscat u George Vella – mhux biss kienu kontra fil-prinċipju, iżda għamlu battalja qalila kontra s-sħubija.
Meta l-Partit Nazzjonalista kien applika għal sħubija kien qed ikompli jwettaq parti importanti mill-iskopijiet li għalihom kien twieled aktar minn 100 sena qabel.
Wara l-esperjenza ta’ 21 sena sħubija nistgħu tabilħaqq ngħidu li, IVA, is-sħubija kienet ta’ benefiċċju kbir għal Malta kif minn dejjem kien jantiċipa l-Partit Nazzjonalista.
Erbgħin sena ta’ konsistenza fil-programm elettorali PN

Meta fis-16 ta’ Lulju 1990, Guido de Marco ppreżenta l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, hu kien qed jesegwixxi pjan li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jaħmi għal 40 sena. Tul il-perjodu bejn l-1962 u l-2003, il-PN b’kollox ressaq 10 programmi elettorali lill-Maltin u l-Għawdxin li fihom kien hemm bi prominenza l-proposta li Malta tkun tifforma parti mill-familja tal-Komunità Ewropea.
Fil-verità, sa mit-twaqqif tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jipprospetta li jqarreb lil pajjiżna dejjem aktar lejn il-kontinent Ewropew. Naturalment, din l-enfasi żdiedet hekk kif il-Komunità Ekonomika Ewropea żviluppat fl-Unjoni li hi llum.
Dawn l-għaxar programmi nistgħu naqsmuhom f’żewġ fażijiet: mill-1962 sal-1987, jiġifieri t-triq li wasslet għall-applikazzjoni, u mill-1992 sal-2003, il-perjodu li jkopri s-snin wara l-applikazzjoni tas-sħubija.
F’dan il-programm, is-sħubija fl-UE ssemmiet b’dan il-mod li ġej:
1962: Malta għandha turi interess u entużjażmu lejn ix-xejra ġdida tal-Ewropa bis-sistema tas-‘Suq Komuni’.
1966: Gvern Nazzjonalista jikkontribwixxi għas-suċċess tal-politika tal-Kunsill tal-Ewropa… u jħares b’interess lejn il-moviment għal Ewropa Magħquda.
1971: Gvern Nazzjonalista jkompli jqis li post Malta hu fi ħdan it-twemmin tal-pajjiżi Ewropej… manifestata permezz tat-Trattat riċenti dwar is-‘Suq Komuni’.
1976: Gvern Nazzjonalista jsaħħaħ ir-rabtiet mal-pajjiżi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u jfittex li din tinvolvi ruħha aktar fl-iżvilupp ta’ Malta.
1981: Isir sforz qawwi ħalli pajjiżna jikseb kundizzjonijiet tajbin biex isir membru tal-Komunità Ewropea… li taħdem għal paċi u żvilupp post il-pajjiżi.
1987: Fl-Ewropa nieħdu postna bħala parti minnha billi nidħlu fil-Komunità Ekonomika Ewropea b’kundizzjonijiet xierqa u ngħinu fl-iżvilupp ta’ federazzjoni Ewropea.
1992: Ninsabu fiduċjużi li Malta tkun fl-ewwel grupp ta’ pajjiżi li jissieħbu fil-Komunità Ewropea billi nkomplu nħejju lil pajjiżna b’ritmu dejjem aktar mgħaġġel.
1996: Jekk Malta tirtira l-applikazzjoni għal sħubija nkunu qed inġibu diżastru fuqna nfusna u fuq azjendi li ġew hawn bil-ħsieb li pajjiżna jissieħeb fl-UE.
1998: Wara li jlesti n-negozjati u jkunu magħrufa l-kundizzjonijiet tas-sħubija, jagħmel Referendum biex il-poplu, b’vot apposta, jiddeċiedi nidħlux jew le.
2003: Sewwasew bit-tmexxija tal-ewwel gvern Malti li se jingħażel għal pajjiżna msieħeb fl-UE, naraw ir-rebbiegħa ġdida li tibda għal Malta mis-sena d-dieħla.
■ Dak li wieħed ifisser meta jingħad li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu konsistenza politika fir-rigward tal-Unjoni.
L-applikazzjoni li fetħitilna t-triq Ewropea
IT-TNEJN 16 TA’ LULJU, 1990. Data li tista’ tissejjaħ kruċjali għal pajjiżna.
Dakinhar, fil-bini ċentrali tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, Guido de Marco, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta, ippreżenta l-ittri li permezz tagħhom Malta applikat formalment biex tissieħeb mal-Komunità Ekonomika Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea).
L-applikazzjoni ntlaqgħet minn Gianni de Michelis, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja, li f’dak il-perjodu kienet qed tippresiedi l-Komunità.
Dakinhar, l-applikazzjoni kienet iffirmata wkoll minn Abel Matutes, il-Kummissarju Ewropew b’responsabbiltà, fost l-oħrajn, għar-reġjun tal-Mediterran.
Fil-laqgħa tal-preżentazzjoni, Guido de Marco għamel diskors qasir li fih enfasizza li għalkemm Malta tagħraf bis-sħiħ li din hi applikazzjoni ta’ gżira ta’ dimensjonijiet limitati iżda fl-istess ħin hi gżira bi storja li toħroġ mill-pożizzjoni ġeografika tagħha u li aħna meqjusin bħala poplu tal-fruntieri, fis-sens li ninsabu fit-tarf tal-Ewropa, marbutin ma’ tradizzjonijiet interni iżda miftuħin għall-ħbiberija mal-pajjiżi ġirien.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru de Michelis qal li bħala Taljan kien qed jilqa’ b’ferħ dik l-applikazzjoni għaliex din iġġib magħha sinifikat potenzjali għall-qasam mediterranju tal-Ewropa li t-tnejn – Malta u l-Italja – niffurmaw parti minnu. Qal li hu seta’ jistqarr li l-applikazzjoni kienet se tkun eżaminata b’simpatija u bi predispożizzjoni favorevoli.
Minn hemm ’il quddiem id-destin ta’ Malta kellu issa jibda jinbidel skont iċ-ċirkustanzi tal-każ iżda li f’kull eventwalità pajjiżna kien għamel l-ewwel pass deċiżiv biex jidħol f’din il-familja internazzjonali ħalli magħha nkomplu nimxu triqtna fl-interess tagħna, ta’ uliedna u ta’ pajjiżna.
Għaliex mhux qabel l-1990?

Meta wieħed jitkellem dwar dak li seħħ fl-episodju importanti ta’ pajjiżna bid-dħul fl-Unjoni Ewropea, kemm-il darba ssir il-mistoqsija rilevanti ħafna: Jekk il-Partit Nazzjonalista kien tant ħerqan biex issieħeb fl-UE, għaliex ma applikax mill-ewwel malli kien elett fil-gvern fl-1987, minflok ‘tilef’ tliet snin biex applika fl-1990?
Din il-mistoqsija kienet imwieġba minnn għadd ta’ protagonisti ta’ dik l-epoka f’diversi okkażjonijiet iżda tajjeb li f’dan l-anniversarju tal-lum nerġgħu nfakkru x’kienu r-raġunijiet ewlenin għal dan.
Meta din il-mistoqsija kienet saret lil Dr Joe Licari, Eks Ambaxxatur ta’ Malta fl-UE, li kien involut sew fil-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni, hu qal li dik kienet deċiżjoni li seta’ jeħodha biss il-PM Fenech Adami wara, li naturalment, kien sema’ l-opinjoni ta’ ħafna.
Fost dawn l-opinjonijiet kien hemm dik ta’ Ċensu Tabone, li kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, li xtaq u imbotta biex Malta tapplika minnufih. Minkejja l-entużjażmu tal-Ministru Tabone, il-PM Fenech Adami ddeċieda li Malta ma kinetx għadha f’pożizzjoni kredibbli minħabba dak li kien seħħ mill-Gvern preċedenti ta’ Mintoff fil-konfront tal-Ewropa u l-politika tiegħu pro-Libjana.
Minflok, il-Gvern Nazzjonalista beda miexi fit-triq li jpoġġi lill-pajjiż fuq bażi soda fil-livelli kollha u b’hekk seta’ jkollu jdejh imsaħħin meta eventwalment japplika.
Sadanittant biex jipprepara aħjar it-triq lejn l-applikazzjoni għas-sħubija, il-Gvern stabbilixxi Direttorat għall-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, immexxi mill-Avukat Joe Borg, biex iħejji rapport u dak kollu meħtieġ għal meta eventwalment issir l-applikazzjoni.
Kien wasal iż-żmien, imbagħad, tal-għażla tal-President – li sal-1989 kienet okkupata mis-Sur Pawl Xuereb bħala Aġent President – u allura l-Parlament Malti għażel lil Ċensu Tabone waqt li Guido de Marco nħatar il-Ministru tal-Affarijiet Barranin.
Il-PM Eddie Fenech Adami, wara li segwa l-iżviluppi kollha li seħħew, kemm f’Malta kif ukoll fl-UE, u wara li f’pajjiżna kien organizzat b’tant suċċess is-Summit bejn Bush u Gorbachev – b’benefiċċji kbar għar-reputazzjoni ta’ Malta – ħass li l-punt kien wasal biex Malta tagħmel il-pass deċiżiv li tapplika biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Meta ġew biex jiddeċiedu fuq id-data ta’ meta kellha titressaq l-applikazzjoni, intgħażel Lulju 1990 għaliex proprju f’dak iż-żmien il-Presidenza tal-UE kellha tgħaddi f’idejn l-Italja, pajjiż li diġà kien stqarr li hu favur is-sħubija ta’ Malta.
Dan l-episodju jkompli jikkonferma kemm il-PN fil-gvern kien jagħmel l-affarijiet bil-galbu u bi ħsieb bażat fuq l-aqwa interessi ta’ pajjiżna.
Dawn ma riduniex nissieħbu

Meta wieħed jifhem sew dak li seħħ f’pajjiżna fis-snin ta’ qabel l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea – u daqstant ieħor, u b’aktar qilla wara li applikajna – malajr jitfaċċaw quddiemna l-pożizzjonijiet għalkollox negattivi tal-Partit Laburista u tal-mexxejja ewlenin KOLLHA tiegħu, ibda minn Duminku Mintoff u spiċċa f’Joseph Muscat. Magħhom kien hemm ukoll il-GWU.
Jekk nieħdu, pereżempju, x’kienet ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista fil-jiem ta’ meta Guido de Marco ressaq l-applikazzjoni, insibu kummenti ibsin u ta’ kundanna kategorika għal dak l-iżvilupp kruċjali li kien qed iseħħ, kemm f’diskorsi fil-Parlament kif ukoll fil-midja tal-Labour u tal-GWU.
Fil-Parlament, dakinhar tas-16 ta’ Lulju 1990, Karmenu Mifsud Bonnici, Mexxej Laburista u Kap tal-Oppożizzjoni, kien stqarr li ma kienx veru dak li kien għadu kif qal il-PM Fenech Adami li l-pass li għamel il-Gvern Nazzjonalista kien wieħed meħtieġ għall-avvanz politiku u ekonomiku tal-pajjiż, anżi “kien wieħed diżastruż”.
Għalkemm Duminku Mintoff ma kienx għadu Prim Ministru meta saret l-applikazzjoni, kulħadd jaf kemm kien jitkellem kontra s-sħubija, kemm qabel kif ukoll wara li applikajna.
Wara Karmenu Mifsud Bonnici, fit-tmexxija tal-Partit Laburista u tal-Oppożizzjoni, wasal Alfred Sant u dan, jekk xejn, żied id-doża fil-pożizzjoni kuntrarja għas-sħubija, bi stqarrijiet invero simili u assurdi, anki wara li l-Maltin kienu vvutaw kategorikament favur is-sħubija fir-Referendum, meta kien iddikjara li l-partnership proposta mil-Labour kienet il-vera rebbieħa.
Jagħtu daqqa t’id ġmielha f’dik il-vena distruttiva, Alfred Sant kellu żewġ kollaboraturi partikolari: George Vella, Deputat Mexxej, u Joseph Muscat, il-‘wiċċ’ li l-Labour ipproġetta fuq it-televizjoni tiegħu b’kampanja ħarxa kontra s-sħubija.
Forsi llum ikun hawn min jinsa għalkollox dawn il-fatti tal-istorja politika ta’ pajjiżna iżda dawn l-istess fatti jikkonfermaw kemm id-deċiżjoni tal-PN kienet għaqlija u tħares fit-tul tant li llum, il-verżjoni uffiċjali tal-Labour hi waħda assolutament favur l-UE.
Minn “allaħares nidħlu fl-UE” il-pożizzjoni Laburista nqalbet ta’ taħt fuq u saret “allaħares pajjiżna joħroġ mill-UE.”

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 17 ta’ Lulju, 2025.