Angelo Micallef
It-tkabbir bla kontroll fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna jġorr miegħu numru ta’ sfidi fuq livelli differenti. Ħa nkun ċar, din mhix kwistjoni ta’ minn fejn ġej dan it-tkabbir, hux minn kontinent jew ieħor imma kwistjoni sempliċi ta’ numri u riżorsi. Il-fatt li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna hu prattikament mibni assolutament fuq tkabbir rapidu tal-popolazzjoni qiegħed ifisser li r-rata ta’ tkabbir hi akbar mir-rata tat-titjib tar-riżorsi ta’ pajjiżna.
Popolazzjoni akbar tfisser bla dubju ta’ xejn domanda akbar fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna u fuq is-servizzi pubbliċi f’pajjiżna. Ifisser li s-sistema tal-elettriku f’pajjiżna trid tlaħħaq ma’ domanda ogħla; ifisser li pajjiżna jrid ilaħħaq ma’ volum ogħla ta’ drenaġġ; ifisser li t-tindif f’pajjiżna jrid ilaħħaq ma’ volum akbar ta’ xogħol; ifisser li t-toroq f’pajjiżna jridu jlaħħqu ma’ volum akbar ta’ attività. Fuq kollox ifisser li pajjiżna se jiġġenera volum akbar ta’ skart li allura jkun jeħtieġ li jiġi miġbur.
L-ironija tal-Gvern
U hawn tidħol l-ironija tal-politika tal-Gvern Laburista. Propju fi żmien meta l-isfida tal-iskart qiegħda tikber, Gvern Laburista mar għal sistema ta’ one size fits all. Pajjiżna bħalissa għandu sistema fejn lokalità żgħira u rurali u lokalità kbira u urbana jridu jilbsu l-istess żarbun, bil-Kunsilli Lokali rispettivi mneżżgħa minn kull poter sabiex jadattaw is-sistema għall-isfidi partikolari tal-post.
Kull min għex jew esperjenza aktar minn lokalità waħda jaf li kull lokalità għandha l-isfidi partikolari tagħha. Jaf li kull lokalità jkollha ċirkostanzi partikolari li jkunu uniċi jew kważi uniċi għal dik il-lokalità partikolari. Li timponi sistema ta’ one size fits all wisq aktarx se jwassal sabiex jew xi lokalità jew kull lokalità tispiċċa bi sfidi mhux indirizzati jew b’miżuri kontro-produttivi li ma jaħdmux għaliex mhumiex disinjati madwar dawk iċ-ċirkostanzi partikolari.
Kriżi kważi f’kull lokalità
Ħadt gost din il-ġimgħa nsegwi l-konferenza stampa li għamlet id-Deputat Eve Borg Bonello flimkien mal-ħbieb kbar tiegħi Charles Selvaggi (Sindku tal-Imsida) u Noel Muscat (Sindku tas-Swieqi) propju dwar dan is-suġġett.
L-esperiment Laburista ta’ one size fits all falla u wassalna fix-xifer ta’ kriżi tal-iskart. Jeħtieġ li llum qabel għada l-Kunsilli Lokali jingħataw lura l-poteri tagħhom b’rabta mal-immaniġġjar tal-iskart biex kull lokalità tkun tista’ tħaddem sistema li tkun tgħodd għall-isfidi u ċirkostanzi tagħha. Ikun żball jekk naħsbu li l-problema hi limitata biss għal-lokalitajiet hekk imsejħa turistiċi. Fir-realtà fi grad jew ieħor din hi problema li qed timpatta kważi kull lokalità biex ma ngħidx kull lokalità.
Meta nħolqu l-Kunsilli Lokali nħolqu bl-ispirtu li d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq livell lokali biex ikunu jirriflettu r-realtijiet differenti tal-lokalitajiet. Jittieħdu fuq livell lokali biex isir l-aħjar użu tar-riżorsi b’mod li ċ-ċittadin jinqeda bl-aħjar mod possibbli. Jittieħdu fuq livell lokali biex ma jkunx hemm problemi ta’ meta xi ħadd irid bilfors jilbes iż-żarbun ta’ xi ħadd ieħor.
Iċ-ċentralizzazzjoni u l-one size fits all politics ta’ Gvern Laburista tmur totalment kontra dan l-ispirtu u forsi tkompli sservi bħala xhud ta’ kemm fir-realtà l-Partit Laburista qatt ma emmen u għadu ma jemminx fil-Kunsilli Lokali anke jekk lest jagħmel minn kollox biex jaħtaf il-kontroll anke fejn m’għandux mandat popolari biex jagħmel hekk.
Il-piż tad-dover fuq il-PN
Naturalment fid-dawl ta’ dan kollu jissaħħaħ il-piż tad-dover fuq il-Partit Nazzjonalista. Id-dover li joffri viżjoni politika alternattiva u li joffri lilu nnifsu bħala alternattiva kredibbli u fattibbli. Dover li, bħalma diġà qiegħed jagħmel u dejjem għamel, ikun il-vuċi tar-raġuni u l-vuċi tal-Kunsilli Lokali. Dover li jibqa’ jaħdem u jinsisti, kif qiegħed jagħmel u dejjem għamel, għal politika li tkun tailor made fuq livell lokali minflok ma jkollna pezza waħda li fiha jrid joqgħod kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 17 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>