Lokali Qorti

Pulizija mhux ħatja li inkoraġġiet lil bintha takkuża b’mod falz lil missierha

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħelset uffiċjal tal-Pulizija mill-akkużi li kienet inkoraġġiet jew influwenzat lil bintha biex tagħmel akkużi foloz ta’ atti immorali kontra missierha. Il-Qorti sabet li l-mara kienet qed taġixxi bħala “omm responsabbli” u bħala uffiċjal pubbliku li kellha d-dover tirrapporta allegazzjonijiet serji li saru minn bintha.

Il-każ beda wara li t-tifla allegat li missierha wriha filmati pornografiċi fuq il-mobile tiegħu. L-allegazzjonijiet wasslu biex ir-raġel ġie mixli, iżda aktar tard ġie meħlus mill-akkużi hekk kif il-Qorti sabet li t-tifla kienet qed tirrepeti storja li ngħaded lilha minn xi ħadd ieħor.

Wara li ġie meħlus, il-missier beda proċeduri legali kontra l-omm u fl-2022 il-Qorti ordnat lill-Pulizija biex jieħdu passi kriminali kontrieha. Il-mara ġiet akkużata b’malafama, dikjarazzjonijiet foloz, u ksur tad-dmir bħala uffiċjal pubbliku – akkużi li kienu meqjusa aggravatati proprju minħabba l-kariga tagħha.

Hi wieġbet mhux ħatja, u sostniet li aġixxiet fuq l-allegazzjonijiet ta’ bintha b’sens ta’ responsabbiltà, u rraportat il-każ kif kellha tagħmel. Hija qalet ukoll li kienet investigata mit-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp tal-Pulizija wara diversi rapporti mill-eks sieħeb tagħha.

Il-Qorti ma sabitx provi li l-mara vvintat l-istorja jew influwenzat lil bintha. Il-Maġistrat osservat li l-allegazzjonijiet li saru kienu ġew irrakkuntati wkoll minn żewġ qraba oħra tat-tifla – iz-zija u n-neputija – li xehdu fil-Qorti. Għaldaqstant, l-ipoteżi li l-mara kienet għamlet kollu kemm hu dan kontra l-missier kienet “assurda”.

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-mara kellha xi motiv ħażin, u enfasizzat li l-azzjonijiet tagħha kienu skont dak li wieħed jistenna minn omm u minn uffiċjal pubbliku. “Marret għand l-awtoritajiet bħala omm responsabbli,” qalet il-Qorti, u żiedet li dan kien ukoll parti mid-dmirijiet tagħha bħala Pulizija skont il-Kodiċi Kriminali.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti ħelsitha mill-akkużi kollha u pprojbiet il-pubblikazzjoni tal-ismijiet ta’ dawk involuti biex tkun protetta l-identità tat-tifla.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Graziella Muscat.