Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li sawwat priġunier fil-ħabs

L-Albaniż Begtash Muka ta’ 33 sena, li huwa ħu Daniel Muka li ftit tal-ġimgħat ilu ġie kundannat għal għomru l-ħabs wara li nstab ħati f’ġuri li qatel lil Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema, ingħata sentenza sospiża wara li sawwat priġunier il-ħabs.

Bħal ħuh Daniel, Begtash huwa magħruf sew mal-Qrati Maltin, fosthom għall-involviment tiegħu f’serqa ta’ €333,000 minn ħanut ta’ ġojjelli f’Tigné Point fl-2017. Fil-każ tas-swat fil-ħabs huwa ġie kundannat għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Dan il-każ seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-2020.

L-inċident ġara filgħodu tas-26 ta’ Jannar 2020, meta skont ix-xhieda tal-vittma stess, nuqqas ta’ komunikazzjoni minħabba barriera lingwistika wassal għal konfront vjolenti. Il-vittma, li aktar tard aċċetta u ħafer lil Muka u ammetta li kellu wkoll sehem fl-inkwiet, qal li ma kellux intenzjoni li joħloq tensjoni iżda l-affarijiet ħadu f’daqqa.

Imma l-Qorti osservat li filmat mill-kameras tas-sigurtà juri b’mod ċar l-aggressjoni bla provokazzjoni: Muka jidher jagħti daqqa ta’ ponn lill-vittma ħdejn iċ-ċella tiegħu, jitfgħu mal-art u jkompli jagħtih bil-ponn waqt li priġunier ieħor jissieħeb fl-attakk bid-daqqiet ta’ sieq.

Il-gwardjani ta’ Kordin xehdu li raw l-inkwiet fil-kamra tas-sigurtà, u intervjenu immedjatament biex itemmu l-attakk. Il-vittma spiċċa b’wiċċu kollu demm u ferita fuq għajnu, kif ukoll sinjali ta’ daqqiet oħra. Il-mediċi ċċertifikaw li kien qed isofri ġrieħi gravi, fosthom daqqa li ħallietlu sinna mċaqalqa u qtugħ fuq il-ġilda.

Isem Begtash Muka mhux xi novizz għal reati kriminali. Huwa kien miżmum b’rabta mal-akbar serqa ta’ ġojjelli li qatt seħħet f’Malta, meta flimkien ma’ oħrajn ħataf ġojjellerija ta’ €333,000 minn ħanut f’Tigné Point fl-2017. Għalkemm evada l-arrest għal kważi sentejn, ġie arrestat b’mod drammatiku fil-barracks ta’ Ħal Safi waqt li pprova jaħrab mill-Pulizija b’arma f’idu.

Fl-2024, Muka reġa’ ġie arrestat għal suspett li weġġa’ raġel f’Buġibba, iżda l-Qorti dikjarat dak l-arrest bħala invalidu. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, filwaqt li rrikonoxxiet li l-vittma kien ġeneruż biżżejjed li jaħfer lil Muka, saħqet li l-filmati u x-xhieda kienu biżżejjed biex juru li l-attakk kien gravi u mhux wieħed mhux provokat.

Il-Qorti osservat ukoll li, għalkemm Muka huwa magħruf għall-imġiba vjolenti, din kienet l-ewwel kundanna effettiva tiegħu, u li l-kawża nġibdet għal snin twal mhux bil-ħtija tiegħu. Il-Qorti għaldaqstant ikkundannatu għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.

Imponiet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma, ħlas ta’ €1,993.99 f’spejjeż esperti u Twissija ċara li atti ta’ vjolenza fil-ħabs ma jistgħux jiġu ttollerati, u s-sentenzi għandhom iservu bħala mezzi ta’ deterrent ċar għal priġunieri oħra.

L-Ispettur Sarah Zerafa mexxiet il-prosekuzzjoni.