Alessandro Ciaffi, ċittadin Taljan li kien ġie estradit minn Malta fl-2015 biex jiffaċċja akkużi relatati mal-Mafja, ġie meħlus minn kull ħtija minn Qorti f’Reggio Calabria, fi Sqallija, l-Italja. Ciaffi kien wieħed minn sitt irġiel arrestati f’Malta bħala parti minn operazzjoni internazzjonali kkoordinata mill-awtoritajiet Taljani dwar ħasil ta’ flus suspettat li kien marbut mal-grupp kriminali magħruf bħala ‘l-‘Ndrangheta’.
L-awtoritajiet Taljani kienu jemmnu li dawn il-persuni kienu parti minn netwerk internazzjonali li kien qed jaħsel il-flus tal-‘Ndrangheta permezz ta’ kumpaniji tal-logħob irreġistrati f’Malta. Fid-deċiżjoni tagħha, Qorti f’Reggio Calabria magħmula minn tliet imħallfin illiberat lil Ciaffi minn waħda mill-akkużi, wara li qalet li dak li kienu allegaw il-prosekuturi ma jikkostitwixxix reat skont il-liġi Taljana.
L-akkużi l-oħra li kien qed jiffaċċja ġew imwarrba minħabba li skada ż-żmien legali (preskrizzjoni) biex jiġu persegwiti. Diversi akkużati oħra fil-każ ġew illiberati għal raġunijiet simili. Madankollu, tnejn mill-imputati — Antonino Alvaro u Cristian Fortunato Constantino — instabu ħatja u ngħataw sentenzi ta’ 10 u seba’ snin ħabs rispettivament.
//= $special ?>