L-issue tas-sigurtà qed tħasseb lill-eluf ta’nies – fil-parti kbira nett żgħażagħ – li qed jattendu għall-festival popolari ta’ Tomorrowland li qed isir fil-belt ta’ Boom (lejn in-nofsinar ta’ Antwerp) fil-Belġju. Dan wara li l-palk prinċipali tal-festival inqered min-nirien kbar u meta bħalissa eluf kbar ta’ dilettanti tal-festival – li ilhom is-snin jattendu għall-avveniment – qed itellgħu il-kampijiet biex jassistu għall-‘main event’ u l-attrazzjonijiet mużikali oħra sinonimi ma’ Tomorrowland.
In-nirien ma damux biex jaħkmu l-palk ewlieni, b’xi residenti fiz-zona jispiċċaw evakwati waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi għamlu minn kollox biex il-fhammi ma jinfirxux lejn il-foresti u z-zoni residenzjali madwar is-sit tal-festival.
Sadanittant, id-dilettanti qed jaslu ‘bl-għexieren tal-eluf’ fis-sit ta’ Boom u meta l-organizzaturi tal-festival għamluha ċara li ‘l-aħħar ħsieb tagħhom kien li jħassru l-avveniment, minkejja l-inċident tan-nirien’.
L-istess organizzaturi qalu li l-avveniment xorta kapaċi jirnexxi mingħajr il-palk prinċipali u waqt li huma kienu ‘qed jikkonċentraw fuq is-soluzzonijiet’.
Ma weġġa ħadd fin-nirien ta’ nhar l-Erbgħa fis-sit tal-festival u meta fl-aħħar sigħat, l-esperti kienu qed jippruvaw jiddeterminaw il-kawża.
Il-Festival ta’ Tomorrowland – li hu fost l-akbar festivals tad-dance music elettroniku fid-dinja –jibda uffiċjalment nhar il-Ġimgħa u bl-organizzaturi qed jistennew udjenza ta’ mill-anqas 400,000 għal żewġ ‘weekends’ ta’ avvenimenti mużikali.
Fost il-mijiet tal-artisti li għandhom jispikkaw waqt din il-festa tal-mużika hemm David Guetta, Lost Frequencies, Swedish House Mafia u Charlotte De Witte.
Sadanittant, is-servizzi għall-emerġenzi dikjaraw is-sit bħala sikur għalkemm xi sorsi xorta qed jikkuntestaw l-issues tas-sigurtà għal waqt l-avveniment.
Hemm anki l-possibbiltà li jitneħħew xi strutturi qabel il-bidu tal-festival – dejjem fl-aħjar interessi tas-sigurtà …Deċiżjoni li, fost oħrajn, se tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet inkarigati mill-kontroll tal-inċidenzi tan-nirien.
Madankollu, il-campsite magħruf bħala DreamVille infetaħ għall-pubbliku, bl-organizzuri jikkonfermaw li hemm kollox imħejji għall-programm ta’ tmiem il-ġimgħa.
Fl-istess ħin, it-telfa tal-palk prinċipali naqqas ħafna mill-ispirtu ‘tal-aħħar snin’, bl-organizzaturi, fl-aħħar sigħat, jiltaqgħu mal-esperti dwar is-sigurtà kif ukoll mal-membri tal-Gvern lokali biex jikkonsolidaw l-istrateġiji għas-sigurtà fost it-tfassil ta’pjan ta’ kontinġenza.
L-attrazzjonijiet tal-festival ta’ Tomorrowland f’dawn il-jiem se jitqassmu fuq 14-il-palk ieħor – ilkoll ħafna iżgħar mill-‘main stage’ oriġinali.
//= $special ?>