Kultura Lokali

Twissija mill-UNESCO dwar il-policies tal-Gvern

Il-Gvern Malti jeħtieġ li jipproteġi l-Belt Valletta kontra żvilupp esaġerat. Dan filwaqt li għandu jaċċerta li r-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, b’turiżmu sostenibbli.

Dan ħareġ ċar fi stqarrija ppubblikata mill-għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar hekk kif fil-jiem li għaddew saret sessjoni mill-UNESCO fejn kien espress tħassib kbir fuq il-Belt Valletta – kapitali li hu wirt kulturali dinji.

Infatti matul din il-laqgħa, il-UNESCO talbet lill-Gvern Malti sabiex jemenda l-buffer zone filwaqt li jintroduċi restrizzjoni fuq l-għoli tal-bini bil-għan li l-veduti uniċi li tgawdi l-belt kapitali ta’ pajjiżna jibqgħu preservati.

Apparti minn hekk, talbet ukoll li l-buffer zone tiġi estiża għaz-zona tal-Gżira, Tas-Sliema kif ukoll lejn in-naħa tal-Port ta’ Marsamxett hekk kif bħalissa dawn huma z-zoni li jinsabu fl-aktar riskju li jiġu żviluppati.

Il-UNESCO issuġġeriet ukoll li pajjiżna joħloq pjan li jindirizza l-infrastruttura, u l-kwalità tal-ħajja. Dan filwaqt li jeħtieġ jiġu implimentati strateġiji ta’ turiżmu b’mod sostenibbli b’permezz ta’ viżjoni fit-tul; iżda fl-istess waqt ikun hemm ukoll pjan biex dawn l-elementi jiġu indirizzati b’mod immedjat.

Għaldaqstant, il-Gvern Malti ġie mitlub li jippreżenta informazzjoni dettaljata fuq il-proġetti li għaddejjin f’dawn iz-zoni fosthom il-proġett ta’ Manoel Island u Evans Building flimkien ma’ Heritage Impact Assessment. Dawn għandhom jiġu ppreżentati qabel ma jkun approvat il-proġett sabiex ikun assigurat żvilupp sostenibbli.

Intant, fl-istqarrija, Flimkien għal Ambjent Aħjar sostniet li l-Gvern Malti għandu responsabbiltà globali li jippreserva l-karatteristiċi uniċi u l-legat kulturali li għandu pajjiżna u li jeħtieġ żvilupp responsabbli u kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet, il-kommunità, l-NGOs u għaqdiet internazzjonali.