Futbol Sport

“Victor Zammit kien raġel tal-kelma.” – Joe Caruana Curran, eks President ta’ Valletta

Bejn Joe Caruana Curran u Victor Zammit kien hemm risoett u ħbiberija ġenwina.
Bejn Joe Caruana Curran u Victor Zammit kien hemm risoett u ħbiberija ġenwina.

L-għada li tħabbret il-mewt tal-eks President ta’ Birkirkara, Victor Zammit fuq il-midja soċjali kienu bosta dawk li selmu l-memorja tal-ewwel President tal-Istripes li mexxa lit-tim għar-rebħ tal-Kampjonat Premier, lura fl-istaġun 1999/2000. Fost dawk li selmu l-memorja ta’ Zammit kien hemm diversi klabbs rivali, l-MFA kif ukoll anke plejers u uffiċjali li ħadmu direttament ma’ Zammit.

Net News illum tkellem ma’ wieħed mil-Presidenti li kien rival sportiv dirett ta’ Zammit, fil-bidu tat-tmexxija tiegħu ma’ Birkirkara, l-eks President ta’ Valletta, Joe Caruana Curran. Lejn l-aħħar tas-snin 90, ir-rivalitá sportiva bejn iż-żewġ klabbs kienet waħda kbira, u ż-żewġ timijiet ta’ dak iż-żmien offrew spettaklu bla preċidenti ta’ partiti epiċi li se jibqgħu mmniżla b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-futbol lokali.

Caruana Curran kellu kliem mill-isbaħ dwar Zammit, u ma kienx sigriet li minkejja r-rivalitá sportiva u sabiħa li kien hemm bejn Birkirkara u Valletta, u li għadha tirrenja sal-lum, fiż-żmien meta dawn it-tnejn kienu Presidenti taż-żewġ klabbs rispettivi, ir-relazzjoni bejn Zammit u Caruana Curran kienet waħda mil-aqwa.

F’intervista fit-tul li Caruana Curran ta lil Net News, u li d-dettalji tagħha, b’annedotti ħelwin bejn it-tnejn se jixxandru fil-jiem li ġejjin kemm fuq il-midja soċjali ta’ Replay kif ukoll fuq Net Television, Caruana Curran jgħid li Zammit kien “raġel tal-kelma” u li xejn u qatt ma kien imur lura mil-kelma li jkun ta lil xi ħadd.

Caruana Curran jgħid li tilef ħabib u li bejnithom dejjem kien hemm rispett reċiproku għaliex il-personalitá ta’ Zammit kienet waħda ġenwina.

L-eks President ta’ Valletta jgħid li t-triq ta’ Zammit fil-futbol kienet aktar iebsa minn dik ta’ Presidenti oħra ta’ suċċess fil-futbol Malti, bħal ma kien hu, Victor Tedesco, Robert Arrigo, Tony Grech Sant u Tony Bezzina fost l-oħrajn, għaliex dawn meta bdew l-era Presidenzjali tagħhom mal-klabbs rispettivi, kollha sabu pedament fuq xiex jaħdmu. Madankollu dan ma kienx il-każ għal Zammit, li prattikament bena skwadra ta’ Birkirkara mill-1996 ‘il quddiem, u għal 13-il sena sħaħ, b’akkwisti importanti u li swew il-flus.

Il-ħidma u x-xogħol ta’ Zammit bħala President ta’ Birkirkara, eventwalment kienet riflessa fis-suċċessi li hu rrnexxilu jġib lejn ir-raħal Karkariz, bir-rebħ ta’ xejn inqas minn 18-il unur ewlieni, fosthom darbtejn il-Kampjonat Premier.