L-Arċisqof Charles Scicluna mexxa quddiesa f’Lourdes mal-Għaqda Maltija Trasport tal‑Morda f’Lourdes (UMTAL). Għal din il-quddiesa attendew ukoll Maltin li żaru dan il-post qaddis.
Waqt l-omelija, l-Arċisqof Scicluna offra messaġġ ta’ tama u solidarjetà, u ħeġġeġ lil kull min għaddej mit-tbatija tal-mard jew qed iġorr salib ieħor, sabiex ma jinsiex li f’din it-tbatija mhuwiex waħdu u li għandna nkunu preżenti fil-ħajja ta’ xulxin.
Mill-grotta fejn bħal dawn il-jiem 167 sena ilu, preċiżament bejn il-11 u s-16 ta’ Lulju 1858 meta l-Madonna dehret lit-tfajla Bernadette Soubirous, l-Arċisqof talab għall-poplu Malti u Għawdxi: “Ejjew inkomplu nitolbu lill-Madonna biex għal kull Malti u Għawdxi tkun hi li takkumpanjana fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ejjew ma nwarbux lill-Madonna fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ejjew nibqgħu nitolbuha lill-Madonna li tkun magħna fis-siegħa tal-mewt tagħna u mhux nieħdu ħajjitna b’idejna.”
Wara l-quddiesa fil-Grotta, l-Arċisqof mexxa l-Via Crucis, mument ta’ talb li jdur ma’ 17-il stazzjon, vjaġġ jagħti ħarsa lejn l-aħħar mumenti sofferenti ta’ Kristu fi vjaġġ lejn il-qawmien.
Matul dan il-pellegrinaġġ ta’ erbat ijiem, li beda kmieni t-Tlieta filgħodu u jintemm ilum il-Ġimgħa filgħaxija, il-pellegrini Maltin qed jieħdu sehem f’diversi funzjonijiet reliġjużi, fosthom fil‑quddiesa internazzjonali, l‑Adorazzjoni tal‑Ewkaristija Mqaddsa, u l‑purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l‑Aux Flambeaux.
L-Arċisqof Scicluna mexxa l-purċissjoni bis-Sagrament, li għalih attendew bosta pellegrini minn madwar id-dinja li kienu qed iżuru Lourdes. Dan il-mument huwa magħruf għall-fejqan mirakoluż tal-morda kif ukoll għall-esperjenzi spiritwali li spiss iġarrbu l-pellegrini.
Din is-sena, għall-pellegrinaġġ tal-UMTAL f’Lourdes immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna attendew 185 pellegrin, li fosthom hemm 50 pazjent kif ukoll voluntiera li jieħdu ħsiebhom u tim mediku li jqis li l-pazjenti jibqgħu jirċievu l‑kura medika meħtieġa.
Fost il-pellegrini, ingħaqdu wkoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca, membri fi ħdan l-Ordni ta’ San Lazzru ta’ Ġerusalemm, sorijiet mill-Monasteru ta’ Santa Skolastika, mid-Dar tal-Providenza u mid-djar ta’ CareMalta.


