Lokali

Franċiża tiffinanzja r-restawr ta’ Kappella tas-seklu 18 fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta

Il‑kappella storika ta’ San Ġużepp, li hi tas‑seklu 18  unli tinsab fil‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta, se ssirilha l‑konservazzjoni tant meħtieġa grazzi għad‑donazzjoni ġeneruża ta’ Madame Marie‑Amélie Gleizes Dewavrin.

Id‑donazzjoni ġiet formalizzata permezz ta’ ftehim iffirmat reċentement mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, u Madame Gleizes Dewavrin, fil‑Palazz tal‑Arċisqof, fil‑preżenza tal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi.

Id‑donazzjoni se tkun qed tiffinanzja l‑konservazzjoni u r‑restawr tal‑kappella, inkluż l‑installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl. Il‑proġett mistenni jitlesta sal‑ħarifa tas‑sena d‑dieħla.

F’din l‑okkażjoni, Madame Gleizes Dewavrin qalet li “huwa d‑dmir tagħna lkoll li nħarsu t‑teżori kulturali li jirrakkontaw l‑istorja tal‑imgħoddi kondiviż tagħna,” u saħqet fuq l‑impenn tagħha li tippreserva l‑wirt kulturali għani ta’ Malta u li ssaħħaħ ir‑rabtiet storiċi bejn Franza u Malta, li sawru l‑wirt tal‑gżejjer.

Pace Ross irringrazzja lil Madame Gleizes Dewavrin u qal li “l‑konservazzjoni tal‑Kappella ta’ San Ġużepp hi pass ieħor importanti fl‑isforzi kontinwi fil‑preservazzjoni tal‑wirt tal‑Palazz tal‑Arċisqof. Id‑donazzjoni ġeneruża ta’ Madame Dewavrin se tiżgura li dan l‑ispazju ekkleżjastiku jkompli jaqdi l‑iskop spiritwali tiegħu fi ħdan il‑palazz.”

Il‑Kappella ta’ San Ġużepp, li tinsab b’mod prominenti fil‑piano nobile, inżammet fl‑istat awtentiku tagħha tas‑seklu 18, kif ġiet rinovata mill‑Isqof Paul Alphéran de Bussan, li l‑arma tiegħu għadha tidher fuq is‑saqaf tal‑kappella. Il‑kwadru tal‑artal juri l‑Familja Mqaddsa, b’San Ġużepp bħala l‑protettur tal‑Verġni Marija u Ġesù tarbija, akkumpanjati minn San Ġwann il‑Battista.

Il‑kappella tinkludi varjetà rikka ta’ elementi artistiċi u arkitettoniċi, fosthom pitturi biż‑żejt, xogħol fl‑injam indurat, kisi bl‑irħam, pavimentar tal‑irħam polikromatiku, u pannelli oriġinali tal‑ħġieġ u ċ‑ċomb fil‑bieb tagħha tas‑seklu 18. Dawn kollha jeħtieġu tekniki speċjalizzati ta’ konservazzjoni, u b’hekk jagħmlu dan il‑proġett wieħed sinifikanti fl‑isforzi usa’ tal‑Knisja biex iżżomm il‑wirt kulturali u reliġjuż tagħha.

Bħala wieħed mill‑binjiet importanti ta’ żmien ir‑Rinaxximent tal‑Belt Valletta, il‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta serva bħala s‑sede tal‑Arċidjoċesi kif ukoll bħala r‑residenza tal‑isqof. Il‑piano nobile, bis‑swali u l‑kappella grandjużi tiegħu, storikament kien riservat għall‑użu ċerimonjali u ekkleżjastiku, tradizzjoni li qed tkompli sal‑lum.