Diversi esperti legali qed jgħidu li Iżrael seta wettaq ir-reati tal-gwerra taħt ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra….Regoli li jipprojbixxu l-qerda taz-zoni residenzjali u l-infrastruttura f’artjiet li jispiċċaw okkupati mill-qawwiet barranin.
Dan meta Iżrael qered l-eluf kbar tal-bini madwar Gaza mindu, f’Marzu, xolja l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-grupp Ħamas…U l-Gvern Iżraeljan qed ikompli jinsisti bil-politika biex jeqred il-bliet u s-subborgi sħaħ (f’Gaza) li darba kienu zoni residenzjali għall-għexieren tal-eluf tal-Palestinjani.
Ir-ritratti bis-satellita li ħarġu fl-aħħar sigħat komplew jikkonferaw il-widien tal-qerda fid-diversi zoni ta’ Gaza fejn twaqqfu ċ-ċentri għall-kmand u kontroll tal-militar Iżraeljan….Militar li beħsiebu jkompli bil-gwerra sakemm jelimina jew ikeċċi lill-aħħar terroristi tal-Ħamas minn Gaza.
Ħafna mill-qerda hi dovuta għall-pjani ta’ Iżrael biex iwaqqa’ il-bini fid-diversi bliet ta’ Gaza – sewwa jekk huma intatti u sewwa jekk ġarrbu l-ħsarat strutturali b’riżultat tal-battalji fit-territorju.
Uħud mill-filmati minn Gaza qegħdin juru l-isplużjonijiet li ħallew id-dħaħen kbar u firxa kbira ta’ tifrik waqt li l-militar Iżraeljan segwa l-proċessi kontrollati ta’ qerda għall-blokok tal-appartamenti, skejjel u infrastruttura oħra.
Intant, l-Iżraeljani rrifjutaw li qegħdin jiksru r-regoli tal-gwerra bid-demolizzjonijiet tal-bini f’Gaza.
Il-kelliema għall-qawwiet tad-difiża Iżraeljani qalu li l-Armata – minkejja r-rapporti ‘infondati’ — qed tirrispetta l-kriterji tal-liġi internazzjonali fost il-gwerra qalila mal-Ħamas.
L-istess kelliema qalu wkoll li t-terroristi tal-Ħamas qegħdin jaħbu diversi ‘assi militari’ qalb iz-zoni ċivili ta’ Gaza….Sitwazzjoni li tfisser li l-qerda tal-proprjetà mill-Armata ssir biss ladarba jkun assolutament neċessarju li dan isisr minn aspett militari u fl-interessi tas-sigurtà.
F’Lulju li għadda, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Israel Katz, kien fassal il-pjani għat-twaqqif ta’ hekk-imsejħa ‘belt umanitarja’ fost il-fdalijiet tal-bini f’Rafah…Belt ewlenija fil-Medda ta’ Gaza li qed isservi bħala refuġju għal madwar 600,000 Palestinjan.
Intant, dan il-pjan kien ikkundannat bla riservi mill-komunità internazzjonali kif ukoll mill-eks-Prim Ministru Iżraeljan, Ehud Olmert…Fil-fatt, Olmert, waqt kummenti lill-istampa internazzjonali, qal li l-proposta ta’ Katz għandha titqies daqslikieku ‘strateġija għall-bini ta’ kamp ta’ konċentrazzjoni kbira’ fuq l-istess stil ta’ dawk li eżistew fl-Ewropa waqt l-era tan-Nażisti.
//= $special ?>