Statistika tal-Eurostat tikkonferma li Malta tinsab fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bl-ogħla rata ta’ inflazzjoni
Ċifri tal-Eurostat għal darba oħra qed juru li l-Maltin u l-Għawdxin qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħajja li qed togħla b’rata dejjem aktar mgħaġġla f’pajjiżna milli f’pajjiżi ġirien tagħna.
L-aħħar statistika tal-UE turi li l-ħajja f’Malta qed togħla b’rata aktar mgħaġġla milli fil-Finlandja, fil-Ġermanja, f’Ċipru, fl-Italja, fi Franza, fi Spanja u f’numru ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo u Joseph Grech, Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali qalu li dan ifisser li l-familji f’Malta u f’Għawdex qed iġorru piżijiet ferm itqal u qed iħallsu ferm aktar mill-Ewropej.
Din mhijiex sempliċi statistika fuq karta. Din hi r-realtà iebsa li mijiet ta’ eluf ta’ familji qed jgħixu kuljum: spiża dejjem tikber għall-ħajja, pagi li ma jibqgħux ilaħħqu u Gvern li ħalla lil ħafna jissieltu waħedhom.
Esperti ekonomiċi f’pajjiżna li tkellmu mal-Partit Nazzjonalista qalu li xirja li f’Diċembru li għadda kienet tiswa €100 illum tiswa kważi €108.
Filwaqt li l-pajjiżi l-oħra Ewropej qed jaraw tnaqqis fir-rati tal-inflazzjoni, f’Malta l-affarijiet mexjin bil-kontra.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-fatt li l-Gvern Laburista baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni konkreta minkejja l-istatistiċi ripetuti kemm tal-Eurostat, kif ukoll tal-NSO u tal-Caritas, juri kemm hu maqtugħ mir-realtà tan-nies u kemm m’għandux sens ta’ urġenza biex itaffi mit-tbatijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq sett sħiħ ta’ proposti ċari u fattibbli, u li għandhom l-appoġġ ta’ bosta msieħba soċjali, li kieku ġew milqugħa diġà bdew itaffu l-pressjoni fuq il-familji u n-negozji:
• It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) sabiex il-ħaddiema jgawdu miż-żieda bis-sħiħ
• Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn part-time u overtime biex min jaħdem iżjed igawdi iżjed
• Tax credits għan-negozji biex ma jkollhomx għalfejn jgħollu l-prezzijiet biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż dejjem jogħlew
• Għajnuniet addizzjonali bla preċedent biex jgħinu lin-negozji jinvestu aktar fit-tekonoloġija avvanzata biex jindirizzaw iż-żieda fl-ispejjeż tagħhom biex iwasslu għal prezzijiet aktar kompetittivi u aktar stabbli
• Fond nazzjonali għall-importaturi u l-esportaturi biex itaffi l-ispejjeż tat-trasport u jrażżan il-prezzijiet
• Mudell ekonomiku ġdid u bbażat fuq setturi ta’ valur miżjud biex jinħolqu impjiegi li jħallsu aħjar u li jżidu l-produttività.
Dawn huma proposti li jirrispettaw lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-familji.
Proposti li juru kemm il-Partit Nazzjonalista għandu idu fuq il-polz tan-nies u lest biex jieħu azzjoni vera biex il-ħaddiema, il-familji, iż-żgħażagħ u l-anzjani tagħna jgħixu aktar komdi.
Għall-kuntrarju, il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ċass quddiem dawn l-istudji bħallikieku ma jirrappreżentawx realtà soċjali serja.
L-unika miżura li pprova jieħu – l-iskema Stabbiltà – kienet falliment total sa mill-bidu tagħha, tant li wara ftit xhur kellu jwaqqafha.
Il-Partit Nazzjonalista kien wissa li din l-iskema qatt ma setgħet issolvi l-problema tal-għoli fil-prezzijiet.
Biex in-nies ma jibqgħux ibatu, il-Gvern irid joħroġ mit-torri tal-avorju li jinsab fih, ixammar il-kmiem, isib ir-rieda politika u jwettaq miżuri li verament jistgħu jagħmlu d-differenza fil-ħajjiet tan-nies. Il-Partit Nazzjonalista diġà tah numru ta’ soluzzjonijiet. Jeħtieġ li l-Gvern ma jkunx supperv u jibda japplikahom.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem f’isem dawk li m’għadhomx ilaħħqu mal-ħajja, f’isem il-ġenituri li qed jissagrifikaw biex it-tfal ikollhom dak li għandhom bżonn, f’isem in-negozji li qegħdin jissieltu biex iżommu l-bibien miftuħin.
Hemm bżonn direzzjoni ġdida. U l-Partit Nazzjonalista lest li jieħu lill-pajjiż fid-direzzjoni l-ġdida biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>