Lokali

Il-Parlament Malti jilqa’ numru ta’ studenti Ukreni

Il-Parlament Malti laqa’ numru ta’ studenti Ukreni li preżentament qed jipparteċipaw fl-Erasmus sabiex ikunu jistgħu jesperjenzaw xi jfisser li tkun ċittadin tal-UE – parti min unjoni ta’ solidarjetà li tpoġġi fuq quddiem nett il-kwalità tal-ħajja.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar u x-Shadow Ministers Beppe Fenech Adami u Bernice Bonello, laqgħu lill-istudenti Ukreni u tkellmu flimkien magħhom dwar il-ħajja politika Maltija u xi tfisser li tkun parti minn Parlament elett mill-poplu – Parlament ibbażat fuq liġijiet Maltin u dawk Ewropej.

Preżenti, fost l-oħrajn, kien hemm ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia il-Konslu Malti għall-Ukrajna Ian Spiteri u kif ukoll l-Ambaxxatur tal-Ukrajna għal Malta – fejn huma tkellmu dwar kif preżentament il-ħajja fl-Ukrajna mhi faċli xejn; b’attakki kontinwi fuq djar residenzjali, skejjel u anke sptarijiet.

Intant il-Malti Bryan Magro, President tal-Past Pupils Seleżjani  ta’ madwar id-dinja kollha, tkellem ma’ Net News u spjega l-iskop ta’ din l-assoċazzjoni.

Apparti min hekk, student Ukren qasam magħna l-esperjenza tiegħu …fejn saħaq fuq l-importanza ta’ sħubija fl-UE, u kemm aħna bħala poplu għandna nkunu grati li aħna parti mill-Unjoni Ewropea.