Kien il-PN li waqqaf l-industrija tal-films f’pajjiżna u kien hu li beda jagħti l-cash rebates fil-films
Biex jipprova jgħatti l-ħniżrijiet tal-Ministri u sħabhom, il-Partit Laburista jkompli jigdeb bla mistħija.
Għax il-Partit Nazzjonalista qed jitlob trasparenza dwar in-nefqa eżorbitanti għall-Film Festival, il-Labour ħareġ stqarrija jipprova jwerwer lin-nies li l-Partit Nazzjonalista se jneħħi l-cash rebates mill-industrija tal-films.
Kien il-Partit Nazzjonalista li beda jagħti l-cash rebates biex iħeġġeġ l-investiment fl-industrija tal-films u l-unika ħaġa li jagħmel la jkun fil-Gvern hu li jara li l-industrija Maltija tkun l-ewwel li tgawdi minn aktar għajnuniet, li jkollha level playing field, u li ħadd ma jkollu għalfejn jorqod ma ħadd biex jieħu dak li ħaqqu.
Kien il-Partit Nazzjonalista li waqqaf il-Malta Film Commission. Il-Partit Nazzjonalista m’għandu xejn x’jitgħallem mingħand il-Labour fuq kif ikabbar l-industriji.
Li żgur mhux se jagħmel Gvern Nazzjonalista hu li juża l-industrija biex il-Ministru u l-ħbieb tiegħu joqgħodu jippużaw u jberbqu flus il-poplu fix-xniexel waqt li jħallu lill-artisti Maltin jittallbu għal-loqom.
Il-Gvern Laburista lill-Film Festival rendieh kummiedja tant li Jason Micallef, id-delegat speċjali Laburista inkarigat mill-implimentar tal-manifest elettorali tagħhom stess tgħidx kemm tkaża bil-mod kif berbqu l-flus li suppost investew fl-industrija tal-films, u Neville Gafà, paladin tal-Labour kiteb patafluni fuq l-inkompetenza u l-ħela ta’ Owen Bonnici biex tema’ l-oysters u seqa’ l-aktar xorb fin lill-madwar 1,000 mistieden filwaqt li wassalhom bil-jottiijiet u raqqadhom fl-aqwa lukandi ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem lest li jisma’ dwar kif nistgħu inkabbru l-industriji li għandna u nattiraw industriji u oqsma ekonomiċi ġodda lejn pajjiżna. F’dan il-qasam il-Gvern Laburista falla kompletament.
Kien il-Partit Nazzjonalista li waqqaf l-industrija tal-films f’pajjiżna. Kien il-Partit Nazzjonalista li kiseb reputazzjoni f’din l-industrija.
Il-Partit Laburista ilu fil-Gvern 13-il sena u għad irid jattira l-ewwel niċċa ekonomika tiegħu, għax l-uniku waħda li kellu, dik tal-bejgħ tal-passaporti, issa kellu jżarmaha. Kull ma fadallu huma l-ħaddiema barranin.
Li kieku ma kinux għall-oqsma kollha li waqqaf f’pajjiżna il-Partit Nazzjonalista – il-gaming, is-servizzi finanzjarji, il-marittimu, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika u oħrajn, kieku l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż ilu li daħħalha f’ħajt.
//= $special ?>