Lokali Qorti

Il-qattiel tal-ġojjellier Joseph Carabott iwieġeb mhux ħati ta’ traffikar ta’ droga

Mohamed Anas Boualam ta’ 38 sena, l-qattiel tal-ġojjellier li kien imexxi ħanut fiż-Żurrieq u li fil-15 ta’ Mejju li għadda kien ġie kundannat 32 sena ħabs mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, il-Ġimgħa tressaq il-Qorti mixli bi traffikar ta’ droga, liema traffikar allegatament seħħ l-għada tar-reat fuq il-vittma Joseph Carabott.

Il-Marokkin kien ammetta l-qtil tal-ġojjellier fiż-Żurrieq Joseph Carabott, li miet ix-xahar li għadda, aktar minn sena wara li kien imsawwat brutalment f’attentat ta’ serq li kien seħħ f’Awwissu tal-2023. Wieħed mill-qattiela ta’ Carabott li ġie msawwat brutalment waqt serqa fil-ħanut tal-ġojjelli tiegħu kien mixli li fis-26 t’Awwissu 2023 ittraffika l-ecstasy, li kien fil-pussess ta’ din id-droga li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, u li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex ibigħ tali droga.

Boualam inqabad bid-droga meta ġie arrestat b’rabta mal-hold-up fiż-Żurrieq. Huwa qed jiċħad l-akkużi. L-anzjan vittma ta’ 67 sena miet kaġun ta’ infezzjoni riżultat tal-feriti li sofra meta ssawwat brutalment waqt is-serqa. Ibnu, meta xehed waqt il-proċeduri kien qal li l-istat ta’ missieru kien ta’ wieħed ta’ “agħar minn mejjet.”

F’Jannar Donna Borg Sciberras kienet ikkundannata 28 sena ħabs wara li ammettiet għall-attentat ta’ qtil tal-anzjan. Hija kienet xehdet kontra l-ko-akkużati tagħha, u qalet lill-Qorti li Hadoumi niżżel ma’ l-art lill-ġojjellier filwaqt li Boualam sawtu ripetutament f’wiċċu b’manku ta’ sikkina kbira. Hadoumi mbagħad beda jagħti bis-sieq lil Carabott fil-kustilji u f’rasu, kienet qalet Sciberras waqt l-ammissjoni tagħha, u ddeskriviet il-vjolenza li ntużat bħala “xi ħaġa tal-biża’”.

Mohamed Anas Boualam kien ammetta li ripetutament sawwat lil Carabott f’wiċċu b’manku ta’ sikkina waqt l-attakk. Carabott, li dak iż-żmien kellu 67 sena, li kien safa mitluf minn sensih u qatt ma kien irkupra.

Huwa nstab minn uliedu ġewwa l-ħanut tal-ġojjellerija tiegħu mimdud mal-art f’għadira demm, b’idejh marbutin u ttieħed l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika. Iben Carabott kien xehed kif it-tfal kienu marru jfittxu lil missierhom wara li dan ma kienx mar bħas-soltu biex imur jilgħab it-tennis ma’ martu.

l-Marokkin ammetta l-qtil, arrest illegali u serq. Carabott qatt ma rkupra minn ħsara fil-moħħ u miet minħabba pnewmonja marbuta mal-ġrieħi li ġarrab. Wara l-mewt tiegħu l-akkużi nbidlu f’dik ta’ attentat ta’ feriti gravi segwiti bil-mewt.

Carabott miet fl-4 ta’ April bi pnewmonja bħala konsegwenza diretta ta’ kumplikazzjoni mill-ġrieħi li ġarrab fil-moħħ. L-espert forensiku Mario Scerri qal li Carabott miet f’San Vinċenz de Paul, fejn ġie trasferit wara li ħareġ mill-Isptar Mater Dei.

Huwa kien fi “stat veġetattiv persistenti” wara l-ġrieħi li ġarrab fl-attakk u dawn il-ġrieħi kienu suxxettibbli għal pnewmonja ipostatika. Dwar it-traffikar ta’ droga l-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.

L-Avukat Julian Scicluna mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assista lill-Ispettur John Leigh Howard fil-prosekuzzjoni. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Francois Dalli deher għal Mohamed Anas Boualam.