Lokali

Jingħata bidu għall-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

Ingħata bidu għall-15-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza – maratona li se ddum għaddejja għal 53 siegħa u li qed issir fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Il-maratona bdiet għall-ħabta tas-6:30 u se tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd li ġej f’nofsillejl.

Il-maratona ġiet inawgurata b’mod uffiċjali mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, flimkien ma’ diversi mistednin distinti li awguraw lill-plejers li qed jieħdu sehem f’din l-isfida fl-eqqel tas-sajf.

Din is-sena qed jipparteċipaw 40 persuna li ntgħażlu wara sitt ġimgħat ta’ prattika u għal kważi tlett ijiem se jilgħabu l-volleyball b’mod kontinwu bil-għan li jgħinu lir-residenti tad-Dar tal-Providenza.

Apparti minn hekk, matul il-maratona bejn id-9:00 ta’ filgħaxija u nofsillejl se jkun hemm numru ta’ spettakli minn artisti u bands lokali bil-pubbliku jista’ jattendi u jgawdi dan id-divertiment.

Din il-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin.

Il-Ħadd filgħodu waqt il-maratona, l-Arċidjoċesi ta’ Malta se tkun qed tiċċelebra l-Ġublew tal-Isportivi b’fun run għal kulħadd li tibda għall-ħabta tat-8 ta’ filgħodu minn ħdejn il-kappella ta’ San Niklaw fis-Siġġiewi. Il-fun run tiġi fi tmiemha fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fejn kull min ikun se jieħu sehem se jingħata midalja kommemorattiva.

Wara, għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħodu jkun hemm quddiesa mmexxija minn Monsinjur Arcisqof Charles Scicluna fil-Kappella tad-Dar tal-Providenza.

Din il-maratona ssir kull sena bil-għan li d-Dar tal-Providenza tkun tista’ tkompli tagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lir-residenti – li preżentament jammontaw għal 115.

Dan apparti li hekk kif issa għaddew 60 sena mill-ftuħ ta’ din ir-residenza, id-Dar tal-Providenza għandha l-mira li tiftaħ aktar residenzi fil-komunità sabiex ikun jistgħu jgħinu aktar nies.

Preżenti kien hemm ix-Shadow Ministers Graziella Galea u David Agius.