Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq pussess aggravat ta’ droga f’Paceville

Lamin Danso, raġel ta’ 31 sena mill-Gambja u residenti l-Ħamrun, baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti mixli b’pussess aggravat ta’ droga kannabis b’intenzjoni ta’ traffikar. Il-każ allegatament seħħ fil-bajja ta’ San Ġorġ, fiz-zona ta’ Paceville, nhar l-Erbgħa filgħaxija, meta Danso ġie arrestat mill-Pulizija wara li nstab fil-pussess ta’ 10 qratas ta’ cannabis.

Skont il-prosekuzzjoni, Danso mhux biss kien fil-pussess tal-cannabis b’intenzjoni ta’ traffikar, iżda l-allegat reat seħħ f’distanza ta’ inqas minn 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ, aggravat li jġib magħhom penalità aktar gravi taħt il-liġi kontra d-droga.

Fil-Qorti, Danso wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-Avukat tad-difiża talab biex l-akkużat jingħata ħelsien mill-arrest sakemm jistenna l-proċeduri legali. Madankollu, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi rrimarkat fuq is-serjetà tar-reati, l-element aggravat marbut mal-lokalità u l-preżenza ta’ żgħażagħ fil-viċinanzi, kif ukoll il-bżonn li jiġu salvagwardjati l-provi.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Ylenia-Marie Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Jonathan Cassar.

Il-każ ġie differit għas-seduta li jmiss li se ssir fil-29 ta’ Lulju li ġej.