Il-Qorti semgħet xhieda emozzjonanti u xokkanti minn mara Kolombjana li kienet vittma ta’ traffikar tal-bnedmin u sfruttament sesswali. Il-vittma irrakkuntat kif waslet Malta taħt il-pretest ta’ xogħol bħala escort, iżda malajr spiċċat skjava fiċ-ċirkostanzi, f’dak li hija qalet kien ħolma kerha mimlija biża’, abbuż u theddid ta’ mewt.
Dan irriżulta waqt tkomplija ta’ kumpilazzjoni quddiem il-Maġisgtrat Donatella Frendo Dimech fejn Damiano Nicastro, Taljan residenti ż-Żurrieq, qed jiffaċċja akkużi serji relatati ma’ traffikar ta’ persuni għall-iskop ta’ sfruttament sesswali, użu ta’ vjolenza, theddid u sfruttament finanzjarju kontra tliet nisa mill-Kolombja.
Nicastro ta’ 35 sena qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar ta’ persuni. Qabel ma spiċċa l-ħabs għax ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, huwa kien jgħix fiż-Żurrieq u qed jiġi akkużat li ttraffika tliet ċittadini Kolombjani għal sfruttament sesswali u li uża l-vjolenza u ġegħelhom jidħlu fil-prostituzzjoni.
Il-Qorti semgħet kif ir-raġel allegatament mexxa burdell fin-Naxxar u żamm il-passaporti tat-tliet nisa. Huwa qed jiċħad l-akkużi miġjubin kontrih. Il-prosekuzzjoni qed issostni li hu, flimkien ma’ raġel ieħor magħruf bħala Paolo, ġiegħlu lit-tliet nisa jaħdmu bħala prostituti taħt pressjoni mentali, finanzjarja u emozzjonali. Il-vittma qalet li waslet Malta flimkien ma’ tnejn li jiġu minnha wara li ġew mgħarrfa minn raġel jismu Paolo li setgħu jaqilgħu flus bħala escorts.
Huma ġew ospitati f’appartament f’San Ġiljan li allegatament kien taħt il-kontroll tat-Taljan Damiano Nicastro, l-akkużat fil-każ. Nicastro u Paolo kienu jitolbu €2,000 fix-xahar bħala ħlas għall-akkomodazzjoni, li mbagħad żdied għal €50 kuljum, sitt ijiem fil-ġimgħa. Il-vittmi ma kellhomx għażla ħlief li jaċċettaw ħidma fil-prostituzzjoni biex iħallsu din il-kerha esorbitanti.
Il-vittmi kienu kważi jispiċċaw bla flus li kienu jaqilgħu, li kienu jiġu miġbura personalment minn Nicastro. Il-kontroll fuqhom kien estensiv fejn kienu jiġu mmonitorjati fejn imorru, ma’ min jitkellmu, u kellhom jikkuntattjaw lil Paolo qabel joħorġu mill-appartament.
Paolo pprova jikkundizzjona r-relazzjoni sesswali bħala forma ta’ ħlas, inkluż f’każ fejn talab favur sesswali mingħand il-kunjata tal-vittma biex iħallashom. Il-vittma xehdet li meta insistiet biex tirċievi lura l-passaport tagħha u ħallset parti mid-dejn, Damiano Nicastro bagħtilha messaġġ li kien jgħid: “Prostituta, se nsibek u noqtolk.”
Il-mara qalet li f’dak il-mument beżgħet ħafna, mhux biss għal ħajjitha iżda għall-familja tagħha fil-Kolombja. Dan kien il-punt fejn iddeċidiet li tirrapporta kollox lill-Pulizija. Ħareġ li l-vittmi kienu allegatament sforzati jieħdu l-kokaina biex ikunu “aktar produttivi”.
Huma xehdu li kienu jiġu mġiegħla jilbsu biex ikun attraenti sesswalment għall-klijenti, u joffru atti sesswali taħt kontroll rigoruż u taħt theddid. F’seduta preċedenti waħda mit-tliet nisa kienet identifikata lil waħda mill-vittmi l-oħra permezz ta’ video conferencing.
Hija rrakkuntat kif ġiet Malta flimkien ma’ żewġ neputijiet tagħha biex jaħdmu bħala escorts, suġġett li kienu jafu bih minn qabel. Madankollu, qalet li dak li sabu kien ambjent ta’ sfruttament u abbuż. Fi żmien 20 ġurnata minn meta waslu, Nicastro u Paolo bdew jitolbu €2,000 għar-renta, minkejja li kien hemm ftehim biex iħallsu €100 kuljum.
Meta ma setgħux ilaħħqu, infurzaw tariffa ġdida ta’ €50 kuljum għal sitt ijiem fil-ġimgħa, li kienet tmur direttament għand Nicastro. Ix-xhud semmiet diversi episodji xokkanti li n-nisa għaddew minnhom. Hi rrakkontat episodju li seħħ fil-jum tal-għeluq is-snin il-kollega tagħha li kienet tagħmel xogħol ta’ escort, u waħda mill-vittmi l-oħra. Qalet li Damiano Nicastro, Paolo u ħabib tagħhom marru għand iż-żewġ nisa biex “jiċċelebraw”.
Qalet li ħadu magħhom kejk, ikel u nbid, iżda wkoll id-droga kokaina. Saħqet li l-irġiel sniffjaw id-droga fil-preżenza tagħhom, u dan kien element komuni meta kienu jżuru l-appartament minn fejn kienu jagħtu s-servizzi tagħhom.
Ix-xhud qalet li l-kollega tagħha riedet titlaq minħabba li kellha stedina li kellha minn ħabib ieħor biex tqatta’ l-ġurnata miegħu. Tenniet li hi kienet qaltilha biex tmur jekk tixtieq, iżda dan ma niżilx tajjeb ma’ Paolo, li rrabja ħafna għax, skont hu, kienu ġabu kollox għall-okkażjoni tagħha. Minkejja dan, il-kollega tagħha xorta telqet.
Ix-xhud qalet ukoll li Paolo kien jitlobhom favuri sesswali u li hi ma kenitx tkun trid. Qalet ukoll li Paolo lil waħda mill-kollegi prostituti kien qalilha li jekk tmur miegħu kien jaħfrilha parti mid-dejn li kellha miegħu. Il-vittma xhedet fit-tul dwar il-kontroll u l-manipulazzjoni li ġarrbu.
Ix-xhud qalet li darba fost oħrajn Nicastro ried iġiegħelha tagħmel sess miegħu, imma hija qaltlu li tagħmlu biss għal €100, u eventwalment dan ma seħħx. Qalet li Nicastro ħareġ jgħajjat, sar aggressiv. Matul ix-xhieda tagħha spjegat ukoll kif Nicastro u Paolo żammew il-passaporti tagħhom bħala mezz ta’ kontroll. L-iskuża li ntużat kienet li l-passaporti kienu meħtieġa biex jipproċessaw dokumenti relatati max-xogħol jew residenza.
Hi rrakkuntat episodju fejn kellha bżonn tibgħat €150 lill-missier binha fil-Kolombja. F’dak il-każ, Nicastro mar magħha, iżda stennieha barra waqt li kienet qed tagħmel it-trasferiment tal-flus. Kompliet tispjega li matul dan il-vjaġġ, fil-karozza kien hemm ukoll żewġ neputijiet tagħha, li kellhom problema bis-SIM cards tagħhom. Nicastro akkumpanjahom biex isolvu l-problema, u wara, ħadilhom l-passaporti tagħhom.
Tlett ijiem wara li telqu mill-appartament fin-Naxxar, ix-xhud qalet li huma informȧw lil Nicastro. F’dan l-istadju, l-erba’ nisa kikenu inkwetati dwar il-viża tagħhom wara li kienu bdew jippjanaw biex jitilqu minn Malta.
Ix-xhud u vittma oħra kellhom magħhom il-karti tal-identità tagħhom, u b’hekk ħasbu li setgħu japplikaw għal passaport ġdid mill-ambaxxata. Iżda l-kollega tax-xhud ma kellhiex dokumenti magħha, u għalhekk kienet dipendenti fuq l-akkużat biex tikseb lura l-passaport tagħha.
Skont ix-xhieda, l-irġiel żammew il-passaporti tat-tliet nisa, u talbuhom €3,000 biex jagħtuhomlom lura. Meta fl-aħħar ħallsu u reġgħu kisbu wieħed mill-passaporti, Nicastro ċempel u beda jgħid li kien għad jonqsu jieħu €2,000 u beda jheddidhom fuq il-mobile. Fost il-messaġġi li rċevew kien hemm, theddid li se joqtolhom.
Ix-xhud qalet li huma kemm-il darba ġew intimidati biex ma jitkellmux mal-Pulizija jew ma jirrappurtawx l-abbuż. Il-vittma dehret emozzjonata ħafna waqt ix-xhieda, speċjalment meta rrakkuntat il-biża’ li ħasset. Il-każ għadu għaddej quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
L-avukati tal-AĠ Valentina Cassar u Etienne Savona mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-Ispetturi tal-Pulizija John Spiteri, Dorianne Tabone, u Jessica Grixti. L-avukat Mario Mifsud qed jassista lill-akkużat. L-avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana dehru għall-allegati vittmi.
Il-kundizzjonijiet li rrakkuntaw dawn il-vittmi fil-Qorti waqt is-seduti huma traġiċi u umiljanti. L-istorja tagħhom turi kif nisa vulnerabbli, ħafna drabi f’qagħdiet ekonomiċi diffiċli, jintgħażlu u jiġu sfruttati b’mod ċiniku minn nies li jarawhom bħala sors ta’ profitt.
Mix-xhieda tagħhom ħareġ kif dawn jiġu mqarrqa biex jaħdmu f’pajjiż barrani, ikollhom il-libertà tagħhom miċħuda, inkluż li jitteħdulhom id-dokumenti tagħhom, jiġu mġiegħla jaħdmu taħt theddid u biża’, u esponuti għal droga, vjolenza u kontroll psikoloġiku.
//= $special ?>