Lokali

L-Infrastruttura tat-trasport għandha sservi lin-nies l-ewwel – residenti jesprimu t-tħassib tagħhom dwar pjanijiet għal ferry terminal fil-Bajja ta’ Marsaskala

Matul l-aħħar xhur, ir-residenti osservaw attivitajiet ta’ stħarriġ f’parti mill-Bajja ta’ Marsaskala li, wara aktar investigazzjoni, jirriiżultsa li huma marbuta ma’ pjanijiet biex jinbena ferry terminal. Il-Ministru tat-Trasport ikkonferma li dawn il-pjanijiet huma għaddejjin. Madankollu, din il-proposta qatt ma ġiet ippreżentata formalment lir-residenti, u r-raġuni warajha kif ukoll il-fattibbiltà tagħha għadhom mhux magħrufa u baqgħu mhux diskussi. Ittra mibgħuta lill-Ministru xhur ilu minn residenti mħassba – li kienet titlob ċarezza u konsultazzjoni – baqgħet ma ġietx imwieġba.

Il-Moviment Graffitti u l-Marsaskala Residents Network jappoġġjaw b’saħħa investiment fit-trasport pubbliku. Madankollu, huma kawti dwar proġetti li jistgħu jagħtu prijorità lill-interessi privati jew kummerċjali qabel il-bżonnijiet tal-pubbliku.

Din mhix l-ewwel darba li l-Bajja ta’ Marsaskala kienet taħt theddida ta’ żvilupp eċċessiv. Proposti għal piċċ tal-waterpolo b’faċilitajiet kummerċjali, u wara għal marina tal-jottijiet, ġew milqugħa b’oppożizzjoni qawwija mill-pubbliku u sfaxxaw grazzi għall-mobilizzazzjoni tal-komunità.

Fl-ittra tagħhom lill-Ministru, ir-residenti qajmu diversi mistoqsijiet dwar l-impatti ambjentali u soċjali tat-tqegħid ta’ ferry terminal fiċ-ċentru ta’ bajja li tintuża b’mod attiv mir-residenti u viżitaturi. Huma staqsew ukoll dwar il-ħtieġa ta’ terminal ġdid hekk viċin is-servizz tal-ferry li diġà jopera mill-Kottonera.

Jekk il-Ministru għandu tweġibiet konkreti u data li tappoġġja din il-proposta, għandu jidħol fi djalogu trasparenti u inklussiv mar-residenti, ibbażat fuq pjan komprensiv għat-trasport mibni fuq l-evidenza.

Fin-nuqqas ta’ trasparenza u djalogu, l-infrastruttura proposta għall-ferry – li tinsab fil-qalba ta’ bajja soċjalment u ambjentalment sensittiva – tqajjem tħassib serju u leġittimu, inkluż dwar żieda fit-traffiku tal-art, tniġġis, okkupazzjoni tal-kosta, u degradazzjoni ekoloġika.

Fuq kollox, dan il-proġett huwa tassew maħsub biex jaqdi l-ħtiġijiet tat-trasport tar-residenti, jew huwa mfassal biex jidderieġi t-turiżmu tal-massa lejn l-istabbilimenti kummerċjali ta’ madwar il-bajja?