Il-Mexxejja militari fl-Iran qed iwissu lid-dinja li l-qawwiet tagħhom huma lesti biex jerġgħu jibdew il-gwerra ma’ Iżrael ‘fi kwalunkwe ħin’…. Dan minkejja l-waqfien mill-ġlied fraġli mal-Iżraeljani li ntlaħaq bl-għajnuna mal-Istati Uniti.
Qabel il-ftehim, l-Iran kien ġarrab bil-kbir mill-gwerra ta’ 12-il jum ma’ Iżrael u meta l-qawwiet Iżraeljani rnexxielhom jeliminaw kważi lill-ogħla kmandanti kollha tal-militar f’Tehran.
Intant, l-Iran irid iwassal messaġġ li ‘mhux se jċedi u lanqas mhu se juri ħniena’ f’każ li jisfa attakkat mill-ġdid… Kumment li qed iqajjem mill-ġdid it-tensjoni madwar il-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, dawn it-twissijiet mill-awtoritajiet ewlenin Iranjani qed ikunu pubblikati ftit wara li Iżrael indika li l-gwerra mal-Iran tista’ dalwaqt tidħol f’fażi ġdida.
U waqt li t-tensjoni fir-reġjun kompliet tirranka, l-Istati Uniti għadha qed tinsisti bid-diplomazija anki waqt li qed tħalli l-għażliet militari kollha miftuħa.
Fl-istess ħin, il-passi li jmiss min-naħa tal-Iran jistgħu jaqilbu l-bilanċ fraġli bejn konfrontazzjoni militari u l-paċi fil-Lvant Nofsani.
//= $special ?>