L-Unjoni Ewropea qablet biex timponi rawnd ġdid ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja u meta fil-mira hemm is-setturi finanzjarji u tal-enerġija tal-Kremlin….Dan qed isir bl-iskop li l-magna tal-gwerra ta’ Vladimir Putin tonqos mill-effettività u sal-punt fejn it-Tmexxija f’Moska jkollha tiddikjara waqfien mill-ġlied temporanju fl-Ukrajna.
Is-sanzjonjiet qablu dwarhom l-Ambaxxaturi tal-pajjiżi kollha fi Brussell.
Dan ifisser li ‘il quddiem mhumiex se jkomplu t-tranżazzjonijiet ma’ 22 bank tar-Russja kif ukoll mal-Fond Russu għall-Investiment u s-sussidjarji tiegħu.
Lanqas mgħandu jkompli, għalissa, l-użu dirett u indirett tan-Nord Stream Pipelines li għalissa huma magħluqin iżda li qed jinkwadraw fil-pjani ta’ Moska biex tirristawra l-funzjoni tagħhom fil-futur qarib.
L-Unjoni Ewropea anki biddlet il-limiti imposti għall-prezzijiet taż-żejt mhux irraffinat tar-Russja u li kienu ilhom iffissati mas-$60–il barmil minn Diċembru tal-2022. Dan jinvolvi mekkaniżmu dinamiku li jiffissalu prezz madwar 15 fil-mija anqas mill-medja tal-prezzijiet fis-suq internazzjonali.
B’din is-sistema ta’ ‘capping’, iż-żejt li tipproduċi r-Russja se jkun jiswa biss ftit anqas minn $48 għal kull barmil u meta l-prezz anki għandu jkun suġġett għall-aġġustamenti ma kull sitt xhur.
Dan ukoll meta mhumiex esklużi aktar bidliet li jirrifletti t-taqlib kontinwu fis-suq.
Jerġa’ aktar serju għar-Russja hu l-fatt li l-portijiet tal-pajjiżi membri tal-UE mhumiex se jaċċettaw aktar it-tankers antiki li qed tuża Moska biex tiżgiċċa mis-sanzjonijiet li ħallew impatt dirett fuq il-prezzijiet taż-żejt li trid hi.
Is-sanzjonijiet ġodda, issa, huma effettivi għal 105 bastiment ieħor u li jfisser li l-blacklist, fil-preżent, qed ikopri xejn anqas minn 400 tanker u vapuri oħra tal-Kremlin.
Fl-istess ħin, l-UE iddeċidiet biex tagħlaq ‘loophole’ li kienet tippermetti għall-importazzjoni tal-prodotti tal-petroleum bażati fuq iż-żejt irraffinat mir-Russja u li kienu qed jinbiegħu madwar l-Ewropa taħt’tikketta differenti’. Fl-aħħar xhur, il-movmenti ta’ dawn il-prodotti kienu qed isiru l-aktar mit-Turkija u l-Indja.
B’hekk ukoll ir-restrizzjonjiet imposti mill-Unjoni Ewropea huma diretti għal 11-il kumpannija barra r-Russja akkużati b’li qed ‘jgħinu’ biex ir-Russja ddur mas-sanzjonijiet…Talanqas erba’ minn dawn il-kumpanniji jinsabu fiċ-Ċina u f’Hong Kong.
Il-pakkett tas-sanzjonijiet tal-UE hu t-18-il wieħed fil-konfront tar-Russja minn Frar tal-2022 – b’Kaja Kallas, bħala l-Ogħla Uffiċjal b’responsabbiltà għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni, tirreferi għalih bħala ‘l-aktar pakkett b’saħħtu li qatt tressaq minn dak iż-żmien ‘il hawn’.
Il-President tal-Unjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li s-sanzjonijiet jolqtu direttament il-qalba tal-magna tal-gwerra tal-Kremlin. Hi sostniet li l-Unjoni għandha tkompli bil-pressjoni fuq Moska sakemm Vladimir Putin jiddeċiedi biex itemm il-gwerra.
Il-President Ukren,Volodymyr Zelensky, qal, sadanittant, li d-deċiżjoni tal-UE kienet essenzjali u għaqlija, speċjalment ladarba r-Russja intensifikat il-brutalità tal-attakki fuq l-ibliet u l-villaġġi tal-Ukrajna.
L-iżblokk politiku li permetta għas-sanzjonijiet ġodda sar possibbli biss wara li s-Slovakkja biddlet il-pożizzjoni u warrbet il-veto inizjali li kien qed jostakola l-approvazzjoni ġenerali tal-pakkett.
L-oppożizzjoni tas-Slovakkja kienet relatata mal-proposta tal-Unjoni biex tintemm id-dipendenza fuq il-fossil fuels tar-Russja sal-aħħar tal-2027.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet żvelat ir-roadmap f’Mejju waqt li preżentat l-abbozz ta’ leġislazzjoni f’Ġunju…Abbozz ibbażat fuq il-projbizzjonijiet gradwali tal-kuntratti taż-żejt; inkluż il-kuntratti għat-tul taż-żmien.
Is-Slovakkja ipprotestat li l-pjan irid iwassal għall-prezzijiet ogħla għall-konsumatur u t-tnaqqis tal-kompetittività. Dan fost it-tnaqqir tal-mekkaniżmi li jippermettu għas-sigurtà fis-settur tal-enerġija.
U waqt summit tal-UE li sar ix-xahar li għadda, il-Prim Ministru Slovakk, Robert Fico, kien anki ħareġ bid-domandi għal kumpens finanzjarju mingħand l-Unjoni…Domandi li waqgħu fuq il-widnejn torox.
Fl-istess ħin, kien biss issa li Fico ċeda għall-pressjoni u warrab il-veto għall-pakkett tas-sanzjonijiet ġodda fil-konfront tar-Russja.
Hu ammetta li l-aġir ta’ pajjżu kien ikun ‘kontro-produttiv’ għat-tul taż-żmien u meta la kellu jservi l-interessi ta’ pajjiżu u lanqas dawk tal-UE bħala kollettiv.
//= $special ?>