Opinjoni

OPINJONI: Rispett ineżistenti

Il-każ li rajna jiżviluppa tul din il-ġimgħa tal-perit Toni Bezzina – deputat kollega – jitlob attenzjoni u riflessjoni

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

1. Għal min forsi ma jafx, għax ma jsegwix sija lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll lill-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, dawn sabu li saru atti ta’ inġustizzja fil-konfront tiegħu.
Hemm it-tendenza u l-prattika żbaljata li kamra ta-xandir tħoss li tista’ ‘leġittimament’ taqbad ma’ deputat u tattakkah. Litteralment taqbad miegħu u f’kull okkażjoni ssemmih fil-batal.
Diskors kontinwu u ripetut ta’ xejn b’xejn, inutilment u fil-vojt. Aġir li mingħajr ma trid ifakkrek f’dawk li jemmnu li aktar ma tgħid affarijiet li mhumiex minnhom, aktar se jkun hemm min jisimgħek u jemmnek. Jiddispjaċini, imma nemmen li din il-prattika għandha tiġi regolata.

Għas-sewwa
2. Dan għax id-demokrazija tista’ tikber u timxi ’l quddiem jekk il-pedament tagħha jkun dejjem mibni fuq il-verità. Il-kontra ta’ dan huma t-toroq lejn dittaturi li jgħixu fil-qiegħ tal-gideb.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-fatt iddikjara li dak kollu li kien qiegħed jiġi mħammeġ bih Toni Bezzina ma kien minnu xejn. Kollox fl-arja u bbażat fuq kollox barra l-fatti. Dan kien diġà pass qawwi li għalih il-Gvern kellu jkollu l-umiltà li jirreaġixxi.
Almenu jiddikjara li dak kollu li ngħad ma kienx minnu u li kien qiegħed jiġi rtirat. Imma mhux talli dan ma sarx, talli lanqas ma ġie rrappurtat fuq l-istess mezzi li bihom kien qiegħed jiġi mxandar dak li huwa fil-fatt falz.
Jidher li kien hemm min iddeċieda li jordna lill-istazzjon One sabiex ma jxandarx din id-deċiżjoni. Iħalli lill-udjenza fl-impressjoni mhux minnha li kien iddikjara qabel.

Rispett
3. Żball politiku fuq żball politiku ieħor. Hemm linji ta’ diċenza li biċ-ċar ġew maqbuża u injorati. Kien diġà żbaljat li tgħid dak li mhuwiex minnu u tkompli tirrepetih, iżda daqshekk ieħor li ma tiddikjarax dak li rriżulta minn deċiżjoni ta’ istituzzjoni demokratika.
U li huwa iktar gravi f’dan hu l-ħsieb kontinwu li għax xi ħadd daħal fil-politika, allura ħaddieħor għandu l-libertà li jgħid dak li m’għandux jgħid dwaru. Qisu parti mill-pakkett meta tieħu l-ġurament.
Qisu m’hemm l-ebda linja ta’ rispett u diċenza li għandha tiġi osservata. Qisu lanqas bħala bniedem normali m’għandu jibqa’ jiġi kkunsidrat. Miegħu, kif nafu, jinġibdu l-familjari. Għax in-nies, li diġà lsienhom mhuwiex qasir, meta jisimgħu aħbarijiet bħal dawn jemmnu u jibdew jitkellmu kif m’għandhomx fuq oħrajn.
Tħajjar għal bnedmin biex jissaħħnu kontra oħrajn, fejn it-tajn jibqa’ jdum biex jitneħħa.

Kif kien qal
4. Kif kien qal il-magħrfu u stmat Kardinal Robert Sarah: “I speak from personal experience. I painfully experienced assassination by gossip, slander, and public humilition, and I learned that when a person has decided to destroy you, he has no lack of words, spite, and hypocrisy.
Falsehood has an immense capacity for constructing arguments, proofs, and truths out of sand.” (Nitkellem mill-esperjenza. Għaddejt passjoni minn assassinju tal-karattru, b’diskors żejjed, kalunji, u umiljazzjonijiet pubbliċi, u tgħallimt li meta persuna tiddeċiedi li tiddistruġġik, ma tkunx nieqsa mill-kliem, ipokresija, riżentimenti. Il-falsità għandha l-abbiltà kbira li tinbena fuq argumenti, provi u veritajiet imwielda mir-ramel.)
Hekk huwa ċar li sar fil-konfront ta’ Toni Bezzina u dan jitlob żgur għal azzjoni u rimedju. Id-dinjità tiegħu bħala bniedem u bħala rappreżentant tal-poplu trid tiġi garantita b’mod effettiv.

Mhux biss
5. Ma’ dan inżid ukoll il-prattika ħażina li jittieħdu intervisti lil deputati f’sitwazzjonijiet varji li jiġu mxandra ħażin. Jew jitqegħdu barra mill-kuntest. Inkella tinqabad sentenza jew kelma waħda biss u titqiegħed mingħajr spjegazzjoni jew kuntest. Diġà huwa magħruf li jkun hemm min jagħti kumment u pożizzjoni li ma tiġix irrappurtata, imma ċertament u fis-sħiħ din hija wkoll parti minn nuqqas ta’ dik id-dinjità li ħaqqu kull deputat.
Flok nippruvaw naffrontaw din il-pożizzjoni b’intelliġenza ninsabu fis-sitwazzjoni fejn għal darb’oħra naċċettaw il-kontinwazzjoni ta’ dan l-abbuż. Jekk stazzjon jew gazzetta jitolbu kumment jew jistaqsu domanda għandhom ikunu legalment marbuta li jġibuha sħiħa u mhux in parti jew xejn.
Ovvjament, fil-konfużjoni li ninsabu fiha, ir-reazzjoni ta’ diversi deputati taż-żewġ naħat hija li aħjar ma jgħidu xejn u ma jafdawx milli li jeżerċitaw id-dritt leġittimu tagħhom fit-tisħiħ tad-demokrazija tagħna.

Jixraq
6. F’dan, il-każ ta’ Toni Bezzina, li mhux biss kixef imma pprova dak li qiegħed ngħid, għandu jmexxina fir-responsabbiltà politika li għandna nibnu qafas ta’ regolamenti li jridu jiġu rispettati. Il-poplu jibni r-rispett lejn il-politiċi skont ma dak li l-istess mezzi tal-informazzjoni jgħaddu.
Il-politika f’pajjiżna ma marritx lura. Għadha msawra minn bnedmin tajba li però jsibu ħidmiethom imkasbra fix-xejn u ta’ xejn. Għax kif nafu, huwa faċli li tgħajjar u tħammeġ, imma daqstant ieħor ferm aktar diffiċli sabiex wieħed inaddaf ismu minn dan kollu.
Jekk f’pajjiżna rridu nibdlu verament, hemm bżonn li nikkumbattu din il-prattika żbaljata li ġġib id-dinjità u r-rispett lejn id-deputat ineżistenti.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 13 ta’ Lulju, 2025.