minn Dione Borg
Kandidat
tal-Partit Nazzjonlista
Il-PL kien kompliċi fit-teħid ta’ din il-proprjetà8 mingħand in-nies biex tingħata lilu għal skopijiet politiċi. Kien proprju kompliċi għaliex kien jaf b’dak li qed isir u minkejja l-pożizzjoni tal-familjari/sidien baqa’ jokkupa dawn id-djar għal sin twal biex jużhom bħala każini tiegħu.
Anki quddiem l-appelli tal-familji/sidien tal-proprjetà l-PL baqa’ jiġġieled sal-aħħar biex jibqa’ jokkupa dawn id-djar mill-isbaħ fiċ-ċentru ta’ diversi lokalitajiet.
Dawn huma djar mill-iktar prominenti li huma fost l-aqwa djar biex ikunu konvertiti f’każi politiċi.
Dawn il-każi ma jikkonċernawx biss każ wieħed iżda numru ta’ djar f’ħafna lokalitajiet. S’issa l-qorti tat deċiżjoni fuq il-każini Laburisti ta’ Ħal Qormi, Raħal Ġdid, iż-Żurrieq, Santa Venera, Birżebbuġa, Ħal Lija u Tal-Pietà filwaqt li għad trid tingħata sentenza fuq il-Każin Laburista tal-Belt.
Fuq dawn il-każini kollha l-familji/sidien ingħataw kumpens minħabba li l-Gvern Laburista kisrilhom id-drittijiet tagħhom biex gawda minnhom il-Partit Laburista. L-iktar kumpens li ngħata mill-qorti kien dak fuq il-Każin Laburista ta’ Birżebbuġa fejn l-Istat se jkollu jħallas kumpens ta’ €830,000 lis-sidien waqt li l-PL kien kundannat iħallas €20,000 minħabba li kien kompliċi.
B’kollox il-poplu Malti se jkollu jħallas is-somma ta’ €1.6 miljun lil diversi sidien fuq dawn il-każi. Dan meta ll-poplu Malti ma jġorrx responabbiltà f’dawn il-każi għaliex fir-realtà kien il-Gvern Laburista tat-tmeninijiet li inganna biex jaġevola lill-PL b’dawn id-djar.
Strateġija favur il-PL
Hu tal-ikbar ingann li l-Gvern Laburista fassal strateġija maħsuba bi pjan biex il-PL jispiċċa jokkupa dawn il-proprjetajiet. Dan minbarra numru ieħor ta’ proprjetajiet u djar kbar li l-PL jokkupahom bħala każini u li huma proprjetà tal-Gvern.
Bħall-każi l-oħrajn, anki dawn id-djar huma fiċ-ċentru tal-loklaitajiet u jiswew il-miljuni. Minflok dawn id-djar kienu konvertiti f’ċentri mediċi, għases tal-pulizija jew djar għall-anzjani fil-komunitajiet, il-PL spiċċa jokkupawhom għal skopijiet politiċi.
Ma fiha xejn ħażin li partit politiku jkollu każini u ċentri tal-lokalitajiet iżda hu kundannabbli li dawn il-każini jiġu misruqa mingħand in-nies u snin wara l-poplu Malti jkollu jħallas kumpens ferm għoli biex issir ġustizzja mas-sidien.
Din l-istrateġija ma kinitx tinkludi biss dawn il-proprjetajiet iżda kienet tinkludi proprjetà oħra li l-PL kien jokkupa tul is-snin. Fost dawn kien hemm il-Maċina fl-Isla, li minkejja l-importanza storika tagħha, kienet ingħatat għall-użu mill-PL bħala Kwartier Ġenerali fis-snin tmenin. Fil-fatt qabel inbena ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-PL kien juża l-Maċina bħala l-kwartier ġenerali tiegħu.
Minbarra dan, hemm ukoll il-każ tal-proprjetà tal-PL f’Pembroke li jinkludu l-Australia Hall, ir-Raffles u l-Victoria Pub li wkoll spiċċa għand il-PL bi ftehim ta’ trasferiment ta’ proprjetà – ma’ oħra li l-PL kellu fil-Marsa. Minkejja ksur tal-kundizzjonijiet tal-ftehim bejn il-PL u l-Gvern, il-PL baqa’ jokkupa din il-proprjetà sakemm irnexxielu jinnegozja partijiet minnha.
Dawn huma binjiet storiċi ta’ żmien l-Ingliżi u jmorru lura għall-perjodu tal-Ewwel Gwerra Dinjija tant li anki kienu skedati f’livelli għolja ta’ konservazzjoni.
Fil-fatt, il-PL kien kiritikat bil-qawwi għall-mod kif ħalla l-Australia Hall abbundunata għal snin twal tant li dik ġarrbet ħsarat kbar u llum tilfet ħafna mill-elementi stroiċi u orġinali li kellha meta nbniet. Gvernijiet Laburisti kienu għamlu l-maunvri meħtieġa biex il-PL ikun f’pożizzjoni li jista’ jinnegoja din il-proprjetà.
Żbilanċ politiku
Din is-sitwazzjoni toħloq żbilanċ politiku kbir fil-pajjiż għaliex permezz ta’ dawn il-proprjetajiet, il-PL jinsab b’vantaġġ finanzjarju kbir.
Dan, sa ċertu punt, jista’ u nemmen li hu element ta’ finanzjament mill-Istat lil partit politiku partikolari b’detriment għall-partit politiku avversarju li ma jingħatax l-istess proprjetajiet.
Dan hu finanzjament irregolari mill-Gvern Laburista lill-PL li permezz tiegħu u għal snin twal, għadu jibbenefika minn proprjetà li tagħha kien iħallas kirja miżerja li ma tirriflettix il-valur tal-proprjetà fis-suq tal-lum.
Il-PL responsabbli
Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fil-każ tal-Każin Laburista ta’ Birżebbuġa hi importanti għaliex tpoġġi wkoll responsabbiltà ta’ kompliċità fuq il-PL tant li anki tikkundannah iħallas parti mill-kumpens. Fir-realtà l-PL għandu responsabbiltà politika fil-każi kollha għaliex kien kompliċi fil-każi kollha.
Hu kundannabbli wkoll kif il-PL baqa’ jiddefendi l-interessi tiegħu u nsista fil-Qrati li jibqa’ jokkupa dawn il-proprjetajiet. Il-Partit politiku li tant jipprietka li qiegħed hemm biex jiddefendi l-interessi taċ-ċittadin, iż-żgħir spiċċa jikser id-drittijiet fundamentali tal-istess ċittadini li huma s-sidien legali ta’ dawn id-djar.
Il-PL baqa’ jinteressah biss minnu nnifsu flok sab soluzzjoni, irrikonxxa li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u kien hu li ħallas il-kumpens.
Mhux ġust fuq il-poplu Malti u Għawdxi li se jkollu jħallas mit-taxxi tiegħu l-kumpens hu lil dawn il-familji meta r-responsabbiltà hi tal-Gvern Laburista u tal-kompliċi l-Partit Laburista.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 13 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>